7.9.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 260/39
Appell ippreżentat fid-19 ta’ Lulju 2013 mill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fl-14 ta’ Mejju 2013 fil-Kawża T-249/11, Sanco vs UASI — Marsalman (rappreżentazzjoni ta’ tiġieġa)
(Kawża C-411/13 P)
2013/C 260/70
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Appellanti: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (rappreżentanti: J. Crespo Carrillo u A. Folliard-Monguiral, bħala aġenti)
Parti oħra fil-proċedura: Sanco, SA
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza appellata;
—
tagħti sentenza ġdida fuq il-mertu tal-kawża billi tiċħad ir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni kkontestata, jew tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali;
—
tikkundanna lir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
(1)
Il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja (1) billi bbażat ruħha fuq interpretazzjoni żbaljata tal-portata tas-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fil-klassijiet 35 u 39 tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice. L-analiżi tax-xebh tal-prodotti u servizzi hija żbaljata, peress illi l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li s-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħom l-attivitajiet li operatur joffri f’ismu stess fir-rigward tal-prodotti tiegħu. Il-kwistjoni jekk tali servizzi għandhomx, fis-sens tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice, jiġu pprovduti f’isem terzi, huwa punt ta’ liġi li għandu jiġi kkjarifikat mill-Qorti tal-Ġustizzja.
(2)
Il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament dwar it-trade mark billi eżaminat il-kumplimentarjetà tal-prodotti jew servizzi skont l-importanza li għandu prodott jew servizz “għax-xiri” ta’ prodotti jew servizzi oħra, skont il-perċezzjoni tal-pubbliku relevanti. Il-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina jekk il-kumplimentarjetà tal-prodotti u servizzi hijiex ibbażata fuq interazzjoni tali li l-użu konġunt tagħhom jirriżulta, minn perspettiva strettament oġġettiva, neċessarju jew mixtieq.
(3)
Il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja billi kkonkludiet li ċerti prodotti jew servizzi kumplimentari kienu awtomatikament jixxiebhu, anki jekk fuq livell minimu, mingħajr ma vverifikat jekk id-differenzi li jirriżultaw minn fatturi oħra kinux suxxettibbli li jinnewtralizzaw din il-kumplimentarjetà.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy