12.10.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 298/3
Appell ippreżentat fit-22 ta’ Lulju 2013 minn Reber Holding GmbH & Co. KG mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fis-16 ta’ Mejju 2013 fil-Kawża T-530/10 — Reber Holding GmbH & Co. KG vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
(Kawża C-414/13 P)
2013/C 298/05
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: Reber Holding GmbH & Co. KG (rappreżentanti: O. Spuhler, M. Geitz, avukati)
Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), Anna Klusmeier
Talbiet tal-appellanti
I.
tirrevoka s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Mejju 2013 fil-Kawża T-530/10 u tannulla d-deċiżjoni tar-raba’ Bord tal-Appell tal-UASI tal-14 ta’ Settembru 2010 fil-Każ R 363/2008-4;
II.
sussidjarjament,
tirrevoka s-sentenza indikata fil-punt I u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;
III.
tordna lill-appellati jbatu l-ispejjeż tal-proċeduri.
Aggravji u argumenti prinċipali
Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka l-aggravju ta’ ksur tad-dritt Komunitarju sostantiv u insuffiċjenza tal-istħarriġ u tal-evalwazzjoni tal-bażi fattwali. Il-Qorti Ġenerali għamlet biss evalwazzjoni inkompleta tal-bażi fattwali tal-każ ineżami. Dan jikkostitwixxi żball ta’ liġi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Ġunju 2010, C-51/09 P, Becker vs Harman International Industries (1)). Dan jista’ jiġi invokat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Ġunju 2010, C-317/10 P, Union Investment Privatfonds vs UniCredito Italiano (2)).
Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tassumi li d-dikjarazzjoni solenni ppreżentata ma tinkludi ebda riferiment għall-provi ulterjuri mressqa. Din il-konstatazzjoni hija inkorretta. Mid-dikjarazzjoni solenni jirriżulta ċar li din tirreferi għall-provi ulterjuri mehmuża. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma stħarrġitx u ma evalwatx b’mod sħiħ id-dikjarazzjoni solenni ppreżentata. Dan jinvolvi, għaldaqstant, żball ta’ liġi fis-sentenza appellata li jista’ jiġi invokat fl-istadju tal-appell.
Li kieku l-Qorti Ġenerali stħarrġet u evalwat b’mod sħiħ il-provi mressqa quddiemha, hija kien ikollha tikkonstata użu ġenwin taż-żewġ trade marks invokati fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 42(2) u tal-Artikolu 42(3) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja (3) (iktar ’il quddiem Regolament Nru 40/94). Għaldaqstant, is-sentenza appellata tikser ukoll l-ewwel sentenza tal-Artikolu 42(2) u tal-Artikolu 42(3) tar-Regolament Nru 40/94.
Barra minn hekk, is-sentenza appellata tikser ukoll l-Artikolu 15(1) u (2)(a) tar-Regolament Nru 40/94. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddikjarat li t-trade mark Nru 115 1 678 “W. Amadeus Mozart”, invokata fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, ma kinitx użata mill-appellanti bħala trade mark.
(1) Ġabra, p. I-5805
(2) Ġabra (2011), p. I-5471
(3) Regolament tal-Kunsill (KE) Nr. 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146).
Full & Egal Universal Law Academy