21.9.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 274/16
Appell ippreżentat fit-22 ta’ Lulju 2013 minn Fabryka Łożysk Tocznych-Kraśnik S.A. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fl-14 ta’ Mejju 2013 fil-Kawża T-19/12, Fabryka Łożysk Tocznych-Kraśnik vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) — Impexmetal
(Kawża C-415/13 P)
2013/C 274/28
Lingwa tal-kawża: il-Pollakk
Partijiet
Appellanti: Fabryka Łożysk Tocznych-Kraśnik S.A. (rappreżentant: P. Borowski, avukat)
Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), Impexmetal S.A.
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla fl-intier tagħha s-sentenza tal-Qorti Ġenerali u tilqa’ r-rikors kollu tad-9 ta’ Jannar 2012 u għaldaqstant tannulla d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tas-27 ta’ Ottubru 2011;
—
fil-każ li din it-talba fl-appell ma tintlaqax, tannulla fl-intier tagħha s-sentenza tal-Qorti Ġenerali u tirrinvija l-kawża lill-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni ġdida;
—
tikkundanna lill-partijiet oħra fl-appell għall-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż sostnuti mill-appellant quddiem il-Bord tal-Appell u d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), kif ukoll fil-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (1), minħabba li kienet applikat tali artikolu għal sitwazzjoni li ma kinitx koperta minn din id-dispożizzjoni.
L-applikazzjoni żbaljata ta’ din id-dispożizzjoni tirriżulta minn konstatazzjoni żbaljata tal-Qorti Ġenerali li t-trade mark tal-appellanti kienet simili għal dik tal-intervenjenti u għalhekk kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku. Il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx li
—
il-prodotti taħt “makkinarju u makkinarju li jagħmel l-għodda” li huma koperti mit-trade mark tal-appellanti, u “magni b’tagħmir li jdur” li huma koperti mit-trade mark tal-intervenjenti, huma kkaratterizzati minn differenzi sinjifikattivi u ċertament ma humiex prodotti komplimentari;
—
it-trade mark tal-appellanti u dik tal-intervenjenti kellhom differenzi sinjifikattivi minn perspettiva viżwali;
—
it-trade mark tal-appellanti tinkludi element verbali fil-forma tan-nom “Kraśnik” li għandu influwenza kunsiderevoli fuq id-differenzi bejn it-trade marks kunfliġġenti minn perspettiva viżwali, fonetika u kunċettwali;
—
it-trade mark tal-appellanti u dik tal-intervenjenti għandhom differenzi sinjifikattivi minn perspettiva fonetika;
—
it-trade mark tal-appellanti tagħmel parti mill-isem tal-kumpannija tagħha, u isimha kien intuża għal żmien twil qabel id-data tal-applikazzjoni għat-trade mark;
—
din it-trade mark għandha sinjifikat storiku li jidentifika lill-appellanti;
—
it-trade marks inkwistjoni kienu għal żmien twil jikkoeżistu fis-suq mingħajr kunflitt;
—
ix-xebh bejn it-trade marks inkwistjoni ma jiġġustifikax l-allegazzjoni li din tista’ tkun sors ta’ probabbiltà konfużjoni.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)
Full & Egal Universal Law Academy