21.9.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 274/17
Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Lulju 2013 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
(Kawża C-425/13)
2013/C 274/29
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: G. Valero Jordana, F. Castillo de la Torre, aġenti)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla t-tieni sentenza tal-Artikolu 2 u t-Taqsima A tal-Addendum/Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati intiżi li jgħaqqdu l-iskema ta’ skambju ta’ drittijiet ta’ emissjoni tal-Unjoni mal-iskema ta’ skambju ta’ drittijiet ta’ emissjoni implementata fl-Awstralja, jew, sussidjarjament,
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill u żżomm l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata f’każ fejn din tal-aħħar tkun annullata b’mod sħiħ, u
—
tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 13(2) TUE, 218(2) sa (4) TFUE u 295 TFUE, kif ukoll tal-prinċipju ta’ ekwilibriju istituzzjonali. Il-Kummissjoni ssostni li l-Kunsill kiser l-Artikolu 218 TFUE billi b’mod unilaterali impona fuq il-Kummissjoni proċedura ddettaljata li toħloq ex novo kompetenzi għall-Kunsill u obbligi għall-Kummissjoni li ma jeżistux f’din id-dispożizzjoni. Il-Kunsill kiser ukoll l-Artikolu 13(2) TUE b’rabta mal-Artikolu 218(4) TFUE, u l-prinċipju tal-ekwilibriju istituzzjonali billi estenda l-kompetenzi li jagħtuh it-Trattati b’detriment għall-Kummissjoni u għall-Parlament Ewropew.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 13(2) TUE u 218 TFUE, kif ukoll tal-prinċipju ta’ ekwilibriju istituzzjonali. Id-deċiżjoni kkontestata tipprovdi li l-pożizzjonijiet iddettaljati tan-negozjati tal-Unjoni huma stabbiliti mill-Kumitat Speċjali jew mill-Kunsill. L-Artikolu 218(4) TFUE jattribwixxi lill-Kumitat Speċjali rwol konsultattiv biss.
Full & Egal Universal Law Academy