26.10.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 313/9
Appell ippreżentat fl-1 ta’ Awwissu 2013 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fis-17 ta’ Mejju 2013 fil-Kawża T-146/09, Parker ITR Srl u Parker-Hannifin Corp vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-434/13 P)
2013/C 313/17
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: S. Noë, V. Bottka, R. Sauer, aġenti)
Parti oħra fil-proċedura: Parker ITR Srl, Parker-Hannifin Corp.
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali sa fejn din tannulla d-deċiżjoni u taġġusta l-multa;
—
tiċħad ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali fl-intier tiegħu;
—
tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż kollha ta’ dawn il-proċeduri u tal-proċeduri tal-ewwel istanza.
Aggravji u argumenti prinċipali
Il-Kummissjoni tinvoka żewġ aggravji, u titlob li s-sentenza tiġi parzjalment annullata sa fejn din tanulla d-deċiżjoni fil-Każ COMP/39406 — Manek marittimi u taġġusta l-multa.
Fl-ewwel aggravju qed jiġi invokat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi injorat jew applikat b’mod skorret il-ġurisprudenza dwar is-suċċessjoni ekonomika fi ħdan grupp minn naħa waħda u l-ġurisprudenza dwar it-trasferiment tar-responsabbiltà bejn impriżi konsekuttivi min-naħa l-oħra. Peress li t-trasferiment ta’ attiv minn ITR għal Parker ITR (li dak iż-żmien kien jisimha ITR Rubber) (fi ħdan il-grupp Saiag) u t-tranżazzjoni tal-azzjonijiet suċċessiva (it-trasferiment tal-azzjonijiet f’Parker ITR minn Saiag għal Parker-Hannifin) ġew ittrattati flimkien, il-Qorti Ġenerali tassumi b’mod skorrett trasferiment fi ħdan il-grupp tal-aġir ta’ ksur minn Saiag għal Parker-Hannifin. Il-Qorti Ġenerali tiżbalja billi tevalwa l-kontinwità ekonomika biss bħala l-possibbiltà ta’ trasferiment ta’ responsabbiltà bejn il-kumpanniji indipendenti Saiag u Parker-Hannifin, peress li dan ma jiħux inkunsiderazzjoni s-suċċessjoni ekonomika fi ħdan il-grupp li diġà seħħet fir-rigward ta’ Parker ITR. Konsegwentement, is-sentenza tibbaża ruħha fuq intenzjonijiet suġġettivi, jiġifieri l-fatt li l-integrazzjoni tan-negozju tal-manek marittimi f’Parker ITR kien parti minn għan sabiex jinbiegħu azzjonijiet tas-sussidjarja lil terzi. Madankollu, tali intenzjonijiet tal-partijiet ma humiex ostaklu sabiex tiġi applikata l-ġurisprudenza dwar is-suċċesjoni ekonomika fi ħdan grupp (sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123; tal-11 ta’ Diċembru 2007, ETI et, C-280/06, Ġabra p. I-10893; tat-13 ta’ Ġunju 2013, Versalis (li kienet Polimeri Europa) vs Il-Kummissjoni, C-511/11 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra; tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, T-43/02, Ġabra p. II-3435; tal-31 ta’ Marzu 2009, ArcelorMittal Luxembourg et vs Il-Kummissjoni, T-405/06, Ġabra p. II-771; tad-29 ta’ Marzu 2011, ArcelorMittal Luxembourg vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg, C-201/09 P u C-216/09 P, Ġabra p. I-2239), skont liema, is-suċċessjoni ekonomika sseħħ meta trasferment fi ħdan grupp sa fejn ikun hemm “irbiet strutturali” bejn it-trasferent (hawnhekk: Saiag/ITR) u l-entità riċeventi (hawnhekk: Parker ITR). Barra dan, hemm differenza fid-dritt bejn trasferiment ta’ attiv u trasferiment ta’ persuna ġuridika. F’dan l-aħħar każ, l-entità ttrasferita ġġorr ir-responsabbiltà tagħha stess għal kwalunkwe aġir illeċitu qabel it-trasferiment, u din tista’ tinkludi responsabbiltà bħala suċċesur ekonomiku għall-attiv ittrasferit lill-entità meta kienet għadha parti mill-impriża li wettqet il-ksur. Il-fatt li l-entitajiet legali l-oħra fi ħdan l-impriża setgħu ġew ikkunsidrati responsabbli (minkejja li ma ġewx immultati f’dan il-każ) ma hijiex raġuni valida sabiex jiġi eskluż li tiġi kkunsidrata responsabbli bħala suċċessur ekonomiku s-sussidjarja ttrasferita, Parker ITR.
It-tieni aggravju huwa li, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti Ġenerali aġixxiet ultra petita u naqqset illegalment ir-rata’ ta’ żieda minħabba t-tul tal-multa li tikkorrispondi għal EUR 100 000 għall-kumpannija parent Parker Hannifin. La t-tul attwali tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur u lanqas il-fattur tat-tul korrispondenti fil-kalkolu tal-multa ma ġew ikkontestati minn Parker-Hannifin (jew Parker ITR). Filwaqt li Parker-Hannifin ikkontestat b’suċċess iċ-ċirkustanza aggravanti tar-rwol ta’ mexxej, li għaliha l-Qorti Ġenerali aġġustat il-multa, din ma għandhiex tiftaħ il-possibbiltà għall-Qorti Ġenerali, anki meta teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, sabiex tbiddel aspetti oħra tal-multa (hawnhekk: il-fattur tat-tul) li fil-konfront tagħha l-appellanti ma invokat ebda aggravju.
Full & Egal Universal Law Academy