19.10.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 304/5
Appell ippreżentat fit-2 ta’ Awwissu 2013 minn Erich Kastenholz mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fis-6 ta’ Ġunju 2013 fil-Kawża T-68/11 — Erich Kastenholz vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
(Kawża C-435/13 P)
2013/C 304/10
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellant: Erich Kastenholz (rappreżentant: L. Acker, avukat)
Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), Qwatchme A/S
Talbiet tal-appellant
—
tannulla s-sentenza appellata tal-Qorti Ġenerali;
—
tilqa’ t-talba tiegħu għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża jew, sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi mill-ġdid;
—
tikkundanna lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern għall-ispejjeż tar-rikorrent fil-proċeduri tal-ewwel istanza u tal-appell.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellant jinvoka tliet aggravji insostenn tal-appell tiegħu:
—
ksur tad-dispożizzjonijiet, ikkunsidrati flimkien, tal-Artikolu 5(1)(a) u tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 6/2002 (1).
Dan l-aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet:
—
assenza ta’ distinzjoni bejn il-kriterji ta’ novità u tal-karattru individwali;
—
natura illegali, minħabba l-preżentata tal-applikazzjoni bl-iswed u bl-abjad, tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-kulur tad-disinn fl-evalwazzjoni tan-novità.
—
ksur tad-dispożizzjonijiet, ikkunsidrati flimkien, tal-Artikolu 6(1)(b) u tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 6/2002.
Dan l-aggravju huwa maqsum fi tliet partijiet:
—
assenza ta’ identifikazzjoni tax-xebh u tad-differenzi bejn id-disinni kunfliġġenti;
—
assenza ta’ bbilanċjar bejn il-karatteristiċi identiċi u l-karatteristiċi differenti;
—
assenza ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-karattru individwali tad-disinn Komunitarju kkontestat.
—
ksur tal-Artikolu 25(1)(f) tar-Regolament Nru 6/2002, kif ukoll tal-obbligu ta’ eżami previst fl-ewwel u fit-tieni sentenzi tal-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 6/2002.
Dan l-aggravju huwa maqsum f’erba’ partijiet:
—
il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkunsidrat li rapport ta’ perizja ppreżentat fil-kuntest tal-proċedura seta’ ma jittiħidx inkunsiderazzjoni;
—
la l-Bord tal-Appell u lanqas il-Qorti Ġenerali ma indirizzaw ir-rapport ta’ perizja u l-argumenti tar-rikorrent relatati miegħu;
—
la l-Bord tal-Appell u lanqas il-Qorti Ġenerali ma mmotivaw id-deċiżjoni rispettiva tagħhom fir-rigward tal-ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar id-dritt tal-awtur, b’mod partikolari dwar il-kwistjoni tal-portata tal-protezzjoni mogħtija minn dan id-dritt;
—
il-Bord tal-Appell u l-Qorti Ġenerali żbaljaw meta kkunsidraw li, fil-kuntest tal-Artikolu 25(1)(f) tar-Regolament Nru 6/2002, kien ir-rikorrent li kellu jipprova f’hiex tikkonsisti l-protezzjoni tad-dritt tal-awtur fil-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata u, fl-istess ħin, ma rrispettawx il-portata tal-obbligi tal-Bord tal-Appell u tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern li jwettqu fuq inizjattiva tagħhom stess eżami tal-fatti u li jinvestigaw fuq inizjattiva tagħhom stess id-dritt applikabbli, inkonformità mal-ewwel u mat-tieni sentenzi tal-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 6/2002.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142).
Full & Egal Universal Law Academy