19.10.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 304/6
Appell ippreżentat fil-5 ta’ Awwissu 2013 minn Elitaliana SpA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba Awla) fl-4 ta’ Ġunju 2013 fil-Kawża T-213/12, Elitaliana vs Eulex Kosovo
(Kawża C-439/13 P)
2013/C 304/11
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Appellanti: Elitaliana SpA (rappreżentant: R. Colagrande, avukat)
Parti oħra fil-proċedura: Eulex Kosovo
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla għal kollox id-digriet [tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tal-4 ta’ Ġunju 2013, Kawża T-213/12, Elitaliana vs Eulex Kosovo;]
—
konsegwentement, jekk il-kawża hija fi stat li tiġi deċiża, tilqa’ b’mod definittiv ir-rikors tal-ewwel istanza a) billi tannulla l-miżuri meħuda minn Eulex — li l-appellanti ma hijiex mgħarrfa bil-kontenut u d-data tagħhom — dwar l-għoti tal-kuntratt msejjaħ “EuropeAid/131516/D/SER/XK — Appoġġ permezz ta’ ħelikopter għall-missjoni Eulex Kosovo (PROC/272/11)” lill-kumpannija Starlite Aviation Operations, innotifikata minn Eulex permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Marzu 2012 kif ukoll ta’ kull att ieħor minn qabel, sussegwenti u/jew fi kwalunkwe każ konness, u b’mod partikolari, jekk ikun il-każ, tan-nota 2012-DAS-0392 tas-17 ta’ April 2012, li permezz tagħha Eulex ċaħdet lill-appellanti l-aċċess għall-fajls tas-sejħa għal offerti mitluba fit-2 ta’ April 2012; b) billi tikkundanna lil Eulex għall-kumpens tad-danni (in natura jew ekwivalenti) lill-appellanti sa fejn speċifikat fil-punti 37 et seq tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali; ċ) tikkundanna lil Eulex għall-ispejjeż;
—
alternattivament, dejjem konsegwentement għall-imsemmi annullament,u jekk il-kawża hija fi stat li tiġi deċiża, tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali sabiex tiġi deċiża minn din tal-aħħar.
Aggravji u argumenti prinċipali
Il-Qorti Ġenerali wetqet żball meta ma rrikonoxxietx, lil Eulex, il-kwalità ta’ organu u tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 263 TFUE, u billi ekwiparat lil Eulex mad-delegazzjonijiet. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kellha tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ żball skużabbli f’dan ir-rigward.
Minn dawn l-iżbalji ta’ liġi jitnissel ksur tal-prinċipju ta’ effettività tal-protezzjoni ġudizzjarja intiża bħala r-realizzazzjoni sħiħa tad-drittijiet tad-difiża, korollarji tal-prinċipju iktar ġenerali ta’ ugwaljanza.
Full & Egal Universal Law Academy