26.10.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 313/10
Appell ippreżentat fis-7 ta’ Awwissu 2013 minn Delphi Technologies, Inc. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fis-6 ta’ Ġunju 2013 fil-Kawża T-515/11 — Delphi Technologies, Inc. vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)
(Kawża C-448/13)
2013/C 313/19
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Delphi Technologies, Inc. (rappreżentanti: C. Albrecht, J. Heumann, Rechtsanwälte)
Parti oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Ġunju 2013 fil-Kawża T-515/11, tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din ċaħdet l-appell imressaq mill-appellanti kontra d-deċiżjoni tal-eżaminatur tal-25 ta’ Awwissu 2010 u tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appell huwa dirett kontra s-sentenza tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża T-515/11 li ċaħdet rikors għal annullament kontra deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell li kkonfermat iċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja “INNOVATION FOR THE REAL WORLD”.
L-appell huwa bbażat fuq tliet aggravji:
(1)
Il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja (1) billi ma ddeterminatx sew il-pubbliku rilevanti u l-grad ta’ għarfien xieraq tagħhom. Il-prodotti huma intiżi esklużivament għal professjonisti li għandhom livell għoli ta’ għarfien fir-rigward ta’ slogans promozzjonali.
(2)
Il-Qorti Ġenerali kisret ukoll l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja bl-applikazzjoni ta’ kriterju strett wisq għall-evalwazzjoni dwar jekk it-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni kellhiex karattru distintiv. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali interpretat ħażin il-linji gwida stabbiliti fil-ġurisprudenza reċenti, u b’mod partikolari, fil-Kawża C-398/08 P, Audi vs UASI.
(3)
It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba, li huma prinċipji bażiċi għall-amministrazzjoni xierqa tal-Unjoni. Il-fatt li l-UASI fil-passat irreġistra slogans bi struttura identika li fihom il-kelma “INNOVATION” għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, anki jekk id-deċiżjonijiet preċedenti ma jorbtux.
L-appellanti ssostni li s-sentenza appellata għandha, għaldaqstant, tiġi annullata u l- karattru distintiv inerenti tas-slogan “INNOVATION FOR THE REAL WORD” għandu jiġi kkonfermat.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)
Full & Egal Universal Law Academy