30.11.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 352/2
Appell ippreżentat fit-8 ta’ Awwissu 2013 mir-Repubblika Taljana mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fit-30 ta’ Mejju 2013 fil-Kawża T-454/10, Ir-Repubblika Taljana vs Associazione Nazionale degli Industriali delle Conserve Alimentari Vegetali (Anicav)
(Kawża C-460/13 P)
2013/C 352/02
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Ir-Repubblika Taljana (rappreżentanti: G. Palmieri, aġent, S. Varone, Avvocato dello Stato)
Partijiet oħra fil-proċedura: Associazione Nazionale degli Industriali delle Conserve Alimentari Vegetali (Anicav),
Agrupación Española de Fabricantes de Conservas Vegetales (Agrucon),
Il-Kummissjoni Ewropea,
Associazione Italiana Industrie Prodotti Alimentari (AIIPA),
Confederazione Cooperative Italiane
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza appellata
—
tikkundanna lill-partijiet li jopponu għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
Din il-kawża għandha bħala suġġett l-appell tas-sentenza mogħtija fil-Kawża T-454/10 li ddikjarat l-annullament:
(a)
tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 52(2)(a) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1580/2007 (1), l-Artikolu 50(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 (2)“sa fejn dan jipprovdi li l-valur ta’ ‘attivitajiet li mhumiex attivitajiet proprji tal-ipproċessar’ huwa inkluż fil-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata tal-frott u tal-ħaxix intiż għall-ipproċessar”.
(b)
tal-Artikolu 60(7) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011, li jipprevedi l-finanzjament tal-investimenti u tal-azzjonijiet marbuta mal-ipproċessar tal-prodotti, kollu kemm hu.
Fil-fehma tar-Repubblika Taljana, id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt (a) ma jiksrux ir-Regolament (KE) Nru 1234/2007, billi jintroduċu s-sostenn għal attivitajiet li ma humiex previsti fir-Regolament, iżda sempliċement jistipulaw, għall-finijiet anki ta’ semplifikazzjoni ikbar, il-modalitajiet ta’ kalkolu ta’ valur parametru tal-għajnuna Komunitarja.
L-interpretazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali twassal għal nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament mhux ġustifikat fi ħdan l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi ta’ frott u ħaxix fejn l-attività ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-istess prodott hija ssussidjata b’mod differenti skont jekk l-organizzazzjoni ta’produtturi twettaqx jew le l-fażi ta’ pproċessar proprju.
F’dak li jikkonċerna l-punt (b) — annullament tal-Artikolu 60(7) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011, nenfasizza n-natura żbaljata tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali meta tikkunsidra li teżisti diskriminazzjoni fil-konfront ta’ impriżi ta’ pproċessar li ma jagħmlux parti minn organizzazzjonijiet ta’ produtturi meta mqabbla ma’ dawk li huma kkostitwiti fil-parti l-kbira taħt forma ta’ kooperattiva, li huma membri ta’ tali organizzazzjonijiet.
(1) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1580/2007, tal-21 ta’ Diċembru 2007, li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2201/96 u (KE) Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u ħxejjex (ĠU L 350, p. 1).
(2) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011, tas-7 ta’ Ġunju 2011, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat (ĠU L 157, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy