16.11.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 336/8
Appell ippreżentat fis-27 ta’ Awwissu 2013 minn Industries Chimiques du Fluor (ICF) mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fit-18 ta’ Ġunju 2013 fil-Kawża T-406/08, ICF vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-467/13 P)
2013/C 336/18
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellanti: Industries Chimiques du Fluor (ICF) (rappreżentanti: P. Wytinck, D. Gillet, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-18 ta’ Ġunju 2013, mogħtija fil-kawża T-406/08, Industries Chimiques du Fluor (ICF) vs Il-Kummissjoni Ewropea, u, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li hija għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tiddeċiedi hija stess definittivament fuq il-mertu tal-kawża, tannulla l-multa ta’ EUR 1 700 000 imposta lil ICF fid-deċiżjoni appellata jew, mill-inqas, tnaqqas l-ammont ta’ din il-multa;
—
sussidjarjament, tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha tal-kawża.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet aggravji.
Fl-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, jew, mill-inqas, wettqet ineżattezza materjali fil-konstatazzjoni tal-fatti, jew żnaturament fl-evalwazzjoni tagħhom, billi ddeċidiet li l-fatt li l-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni kkontestata fuq dokumenti mhux imsemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma kienx jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (1).
L-appellanti tqis ukoll li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi qieset li t-tnaqqis mill-Kummissjoni tan-numru ta’ persuni involuti fil-ksur bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma kinitx ippreġudikat l-interessi tal-appellanti u lanqas kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha, inkwantu din tal-aħħar ma setgħetx tispjega ruħha fir-rigward ta’ dan it-tnaqqis qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.
Fit-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003. Fil-fatt il-Qorti Ġenerali adottat interpretazzjoni żbaljata tal-paragrafu 18 tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi billi interpretat l-espressjoni “il-valur totali tal-bejgħ ta’ beni jew servizzi b’relazzjoni mal-ksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali] bħala li jkopri biss il-valur totali tal-bejgħ tal-impriżi li jipparteċipaw fil-ksur, u mhux bħala l-valur totali tal-bejgħ f’dan is-suq.
L-appellanti tilmenta wkoll li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni, billi ma weġbitx b’mod rilevanti u suffiċjenti għall-argument tagħha li l-Kummissjoni ma mxietx skont il-prassi deċiżjonali tagħha fil-qasam tal-iffissar tal-ammont tal-multa.
Fit-tielet aggravju tagħha, l-appellanti tqis li t-tul tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali jikkostitwixxi terminu eċċessiv, u għaldaqstant, tikser l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, meta, fil-fehma tagħha, din tikkonċerna kwistjoni sempliċi li tinvolvi ftit dokumenti. Konsegwentement, l-appellanti titlob, bis-saħħa tal-ġurisprudenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (2), tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta lilha.
Fl-aħħar nett l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003. Fil-fatt il-Qorti Ġenerali ma eżerċitatx korrettament il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha billi ma evalwatx hi nnifisha u billi ma ġġustifikatx għalfejn, f’dan il-każ, il-multa imposta kienet ġustifikata. F’dan ir-rigward, l-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali ma weġbitx l-argumenti differenti mqajma minnha fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitoliu 8, Vol. 2, p. 205).
(2) Sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C-185/95 P, Ġabra p. I-8417.
Full & Egal Universal Law Academy