23.11.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 344/46
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja) fil-5 ta’ Settembru 2013 — Eintragungsausschuss bei der Bayerischen Architektenkammer vs Hans Angerer
(Kawża C-477/13)
2013/C 344/79
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Bundesverwaltungsgericht
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Eintragungsausschuss bei der Bayerischen Architektenkammer
Konvenut: Hans Angerer
Domandi preliminari
(1)
(a)
Ir-“raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali” fis-sens tal-Artikolu 10 tad-Direttiva (1) jirreferu għas-sitwazzjonijiet li huma ddefiniti fil-kategoriji elenkati sussegwentement (punti (a) sa (g)), jew fost dawn is-sitwazzjonijiet għandhom jiġu inklużi wkoll “raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali” li minħabba fihom l-applikant ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitoli II u III tat-Titolu III tad-Direttiva?
(b)
F’dan il-każ tal-aħħar, ta’ liema natura għandhom ikunu dawn ir-“raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali”? Għandhom ikunu raġunijiet personali — bħal pereżempju l-bijografija tal-individwu — li minħabba fihom il-migrant ma jissodisfax, eċċezzjonalment, il-kundizzjonijiet previsti fil-Kapitolu III tat-Titolu III tad-Direttiva għar-rikonoxximent awtomatiku tat-taħriġ tiegħu?
(2)
(a)
Il-kunċett ta’ perit fis-sens tal-Artikolu 10(c) tad-Direttiva jirrikjedi li l-migrant, fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, minbarra attivitajiet tekniċi relatati mal-ippjanar tal-kostruzzjoni, mas-sorveljanza tal-kostruzzjoni u mal-eżekuzzjoni tal-kostruzzjoni, ikun eżerċita wkoll, jew ikun seta’ eżerċita bis-saħħa tat-taħriġ tiegħu, attivitajiet ta’ disinn artistiku, attivitajiet ta’ ppjanar urbaniku, attivitajiet ta’ natura ekonomika u possibbilment anki attivitajiet relatati mal-preżervazzjoni ta’ bini storiku, u, jekk dan ikun il-każ, sa fejn?
(b)
Il-kunċett ta’ perit fis-sens tal-Artikolu 10(c) tad-Direttiva jirrikjedi li l-migrant ikun irċieva taħriġ ta’ livell superjuri (Hochschulniveau) li jkollu bħala l-komponent prinċipali tiegħu l-arkitettura u li, minbarra aspetti tekniċi relatati mal-ippjanar tal-kostruzzjoni, mas-sorveljanza tal-kostruzzjoni u mal-eżekuzzjoni tal-kostruzzjoni, ikopri wkoll suġġetti ta’ disinn artistiku, suġġetti ta’ ppjanar urbaniku, suġġetti ta’ natura ekonomika u possibbilment anki suġġetti relatati mal-preżervazzjoni ta’ bini storiku, u, jekk dan ikun il-każ, sa fejn?
(c)
(i)
Għall-finijiet tad-domandi (a) u (b), huwa rilevanti l-mod kif normalment jiintuża t-titolu professjonali ta’ “perit” fi Stati Membri oħra (Artikolu 48(1) tad-Direttiva)?
(ii)
jew huwa biżżejjed li jiġi ddeterminat l-mod kif normalment jintuża t-titolu professjonali ta’ “perit” fl-Istat Membru ta’ oriġini u fl-Istat Membru ospitanti?
(iii)
jew inkella l-firxa ta’ attivitajiet normalment marbuta mat-titolu professjonali ta’ “perit” fit-territorju tal-Unjoni Ewropea tista’ tiġi ddeterminata fuq il-bażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 46(1) tad-Direttiva?
(1) Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali (ĠU L 255, p. 22).
Full & Egal Universal Law Academy