9.11.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 325/16
Appell ippreżentat fis-16 ta’ Settembru 2013 minn GRE Grand River Enterprises Deutschland GmbH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fit-3 ta Lulju 2013 fil-Kawża T-205/12 — GRE Grand River Enterprises Deutschland GmbH vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
(Kawża C-494/13 P)
2013/C 325/28
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: GRE Grand River Enterprises Deutschland GmbH (rappreżentanti: I. Memmler u S. Schulz, avukati)
Partijiet oħra fil-proċeduri: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), Villiger Söhne GmbH
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Lulju 2013 fil-Kawża T-205/12 u d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tal-1 ta’ Marzu 2012, fil-Każ R 387/2011-1;
—
tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti tinvoka aggravju wieħed ibbażat fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (1).
Insostenn tal-aggravju, l-appellanti tinvoka s-segwenti:
Il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “identiċità tal-prodotti” peress li ekwiparat is-“sigarri” mal-kunċett ġenerali ta’ “prodotti ta’ tabakk”. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali estendiet indebitament il-portata tal-protezzjoni tat-trade mark invokata insostenn tal-oppożizzjoni.
Il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “xebh ta’ prodotti”, peress li, sabiex tevalwa x-xebh tal-prodotti, hija lanqas ma kellha tikkunsidra b’mod ġenerali li s-“sigarri” huma simili għall-kunċett ġenerali ta’ “artikoli tat-tipjip”.
Meta pparagunat is-sinjali, il-Qorti Ġenerali ma applikatx b’mod korrett il-kriterju tal-evalwazzjoni globali, peress li pparagunat b’mod ġenerali l-elementi “LIBERTAD” u “LIBERTE”, u b’hekk ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-komponenti l-oħra kollha tat-trade marks.
B’mod partikolari, diversi komponenti oħra tat-trade marks inkwistjoni huma madankollu ta’ importanza sinjifikattiva, bħall-kombinazzjoni tal-kuluri tat-trade mark inkwistjoni u tat-trade mark figurattiva invokata insostenn tal-oppożizzjoni u d-denominazzjoni “LA”.
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar ix-xebh kunċettwali peress li ma ħaditx suffiċjentement inkunsiderazzjoni l-lingwi differenti tat-trade marks.
B’mod ġenerali, il-Qorti Ġenerali għalhekk waslet għal konklużjoni żbaljata.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)
Full & Egal Universal Law Academy