14.12.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 367/21
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Gerechtshof Arnhem-Leeuwarden (il-Pajjiżi l-Baxxi) fis-16 ta’ Settembru 2013 — F. Faber vs Autobedrijf Hazet Ochten BV
(Kawża C-497/13)
2013/C 367/37
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Qorti tar-rinviju
Gerechtshof Arnhem-Leeuwarden (il-Pajjiżi l-Baxxi)
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: F. Faber
Konvenuta: Autobedrijf Hazet Ochten BV
Domandi preliminari
(1)
Il-qorti nazzjonali għandha l-obbligu, kemm minħabba l-prinċipju ta’ effettività, kemm minħabba l-livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi li huwa intiż mid-Direttiva 1999/44 (1) fl-Unjoni, kif ukoll minħabba dispożizzjonijiet jew regoli oħra tad-dritt tal-Unjoni, li teżamina ex officio jekk, f’kuntratt, ix-xerrej huwiex konsumatur fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 1999/44?
(2)
Jekk l-ewwel domanda teħtieġ risposta affermattiva, din tapplika wkoll jekk il-fajl tal-proċess ma jinkludix punti ta’ fatt (jew jinkludi punti ta’ fatt insuffiċjenti jew kontradittorji) li jippermettu li tiġi stabbilita l-kwalità tax-xerrej?
(3)
Jekk l-ewwel domanda teħtieġ risposta affermattiva, din tapplika wkoll fi proċeduri ta’ appell li fihom ix-xerrej ma jikkontestax id-deċiżjoni tal-ewwel qorti li ma għamlitx (ex officio) dan l-eżami fid-deċiżjoni tagħha u li ma eżaminatx espressament fiha iktar ’il quddiem jekk ix-xerrej jistax jiġi kklassifikat bħala konsumatur?
(4)
(Id-dispożizzjoni tal-Artikolu 5 ta’) Id-Direttiva 1999/44 għandha tiġi kkunsidrata bħala regola ekwivalenti għar-regoli nazzjonali li jaqgħu taħt l-ordni pubbliku fl-ordinament ġuridiku intern?
(5)
Il-prinċipju ta’ effettività, jew il-livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi li huwa intiż mid-Direttiva 1999/44 fl-Unjoni jew minn dispożizzjonijiet jew dispożizzjonijiet legali oħra tal-Unjoni, jipprekludi lid-dritt Olandiż fejn huwa jimponi fuq ix-xerrej konsumatur obbligu li jinvoka u oneru tal-prova li jirrigwarda l-obbligu li jinfoma (fi żmien xieraq) lill-bejjiegħ bid-difett preżuppost tal-oġġett ikkunsinnat?
(6)
Il-prinċipju ta’ effettività jew il-livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi li huwa intiż mid-Direttiva 1999/44 fl-Unjoni, jew minn dispożizzjonijiet jew dispożizzjonijiet legali oħra tal-Unjoni, jipprekludi lid-dritt Olandiż fejn huwa jimponi fuq ix-xerrej konsumatur li jinvoka jew li jipproduċi prova li dan l-oġġett ma huwiex konformi u li dan in-nuqqas ta’ konformità mmanifesta ruħu fis-sitt xhur tal-kunsinna? Xi jfissru t-termini “kull nuqqas ta’ konformità li titfaċċa” li jinsabu fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 1999/44 u, b’mod partikolari, sa fejn ix-xerrej-konsumatur għandu jinvoka fatti u ċirkustanzi li jikkonċernaw (ir-raġuni ta’) in-nuqqas ta’ konformità? Huwa biżżejjed li x-xerrej-konsumatur jallega u, f’każ ta’ kontestazzjoni mmotivata, juri li l-oġġett mixtri ma jiffunzjonax (sew) jew għandu wkoll jallega u, f’każ ta’ kontestazzjoni mmotivata, juri liema nuqqas tal-oġġett mibjugħ huwa r-raġuni (kien ir-raġuni) li tispjega li dan ma jiffunzjonax (sew)? Huwa biżżejjed li x-xerrej-konsumatur jallega u, f’każ ta’ kontestazzjoni mmotivata, juri li l-oġġett mixtri ma jiffunzjonax (sew) jew għandu wkoll jallega u, f’każ ta’ kontestazzjoni mmotivata, jipproduċi prova dwar liema nuqqas tal-oġġett mibjugħ huwa (kien) ir-raġuni li tispejga li dan ma jiffunzjonax (sew)?
(7)
L-assistenza ta’ avukat li għamlet użu minnu F. Faber fiż-żewġ istanzi ta’ dawn il-proċeduri għandha effett fuq ir-risposta għad-domandi preċedenti?
(1) Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Mejju 1999, dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 223).
Full & Egal Universal Law Academy