23.11.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 344/51
Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Settembru 2013 — Ir-Repubblika tal-Estonja vs Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
(Kawża C-508/13)
2013/C 344/89
Lingwa tal-kawża: l-Estonjan
Partijiet
Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Estonja (rappreżentant: K. Kraavi-Käerdi)
Konvenuti: Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
Ir-Repubblika tal-Estonja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha
—
tannulla, minħabba ksur tat-Trattati jew tad-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni tagħhom, l-Artikoli 4(6) u (8), 16(3) u 6(3) tad-Direttiva 2013/34/UE (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE, peress li dawn id-dispożizzjonijiet jiksru l-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ sussidjarjetà. Bl-adozzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet ma ġiex osservat ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE, li jikkostitiwxxi ksur ta’ forom proċedurali sostanzjali fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. Minħabba dan kollu, ir-Repubblika tal-Estonja titlob li tiġi annullata s-silta “u r-rekwiżit ta’ divulgazzjoni jkun jinsab fil-leġislazzjoni fiskali nazzjonali għall-finijiet stretti ta’ ġbir ta’ taxxa” li tinsab fl-Artikolu 6(4), is-silta “l-iżvelarj addizzjonali meħtieġa mil-leġislazzjoni fiskali nazzjonali, kif imsemmi fil-paragrafu 6” li tinsab fl-Artikolu 6(8) kif ukoll tal-Artikolu 16(3) u tal-Artikolu 6(3) kollha kemm huma. Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li l-imsemmija dispożizzjonijiet ma jistgħux jiġu kkunsidrati b’mod awtonomu u separat mill-bqija tad-Direttiva u li l-annullament tagħhom jista’ jikser is-sistema ġenerali stabbilita mid-Direttiva, ir-Repubblika tal-Estonja titlob l-annullament tad-Direttiva fl-intier tagħha minħabba l-istess fondamenti u raġunijiet hawn fuq esposti.
—
tikkundanna lil-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-unjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
(1)
Permezz tar-rikors tagħha, ir-Repubblika tal-Estonja titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, prinċipalment, l-annullament ta’ dispożizzjonjiet partikolari tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (iktar ’il quddiem id-“Direttiva”) u, sussidjarjament l-annullament tad-Direttiva fl-intier tagħha.
(2)
Ir-rikors ġie ppreżentat skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u l-għan prinċipali tiegħu huwa l-annullament tat-test “u r-rekwiżit ta’ divulgazzjoni jkun jinsab fil-leġislazzjoni fiskali nazzjonali għall-finijiet stretti ta’ ġbir ta’ taxxa” li jinsab fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva, it-test “l-iżvelarj addizzjonali meħtieġa mil-leġislazzjoni fiskali nazzjonali, kif imsemmi fil-paragrafu 6” li jinsab fl-Artikolu 6(8) tad-Direttiva kif ukoll tal-Artikolu 6(3) u tal-Artikolu 16(3) tad-Direttiva kollha kemm huma, u, sussidjarjament, l-annullament tad-Direttiva fl-intier tagħha, dan kollu minħabba ksur ta’ forom proċedurali sostanzjali u minħabba ksur tat-Trattati jew tad-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni tagħhom.
(3)
Il-ksur ta’ forom proċedurali sostanzjali jikkonsisti fil-fatt li bl-adozzjoni tad-Direttiva ma ġiex osservat l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE. Il-ksur tat-Trattat u ta’ dispożizzjoni ta’ implementazzjoni tiegħu jikkonsisti fil-ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ sussidjarjetà.
(4)
Fid-dawl tal-miżuri ta’ arominzzazzjoni massima previsti fl-Artikolu 4(6), flimkien mal-Artikolu 6(8), u fl-Artikolu 16(3) tad-Direttiva, ma jistax jintlaħaq ekwilibriju ġust bejn l-għanijiet tad-Direttiva (żieda fiċ-ċarezza tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji u t-titjib tal-paragunabbiltà tagħhom, minn naħa, u li jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi li huma ta’ piż fuq impriżi żgħar u ta’ daqs medju, min-naħa l-oħra). Minħabba dan kollu, il-miżuri adottati ma humiex adegwati sabiex jintlaħaq l-għan leġittimament imfittex.
(5)
Il-miżuri adottati ma jippermettux li jintlaħaq għan essenzjali tad-Direttiva, li huwa żieda fiċ-ċarezza tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji u t-titjib tal-pargunabbiltà tagħhom, peress li fl-elaborazzjoni tal-abbozz ta’ Direttiva ma tteħditx inkunsiderazzjoni b’mod adegwat l-istruttura imprenditorjali tad-diversi Stati Membri. It-traspożizzjoni tad-Direttiva fl-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri għandha bħala riżultat li 97,9 % tal-impriżi, li huma responsabbli għal iktar min-nofs id-dħul mill-bejgħ magħmul mill-ekonomija nazzjonali, jiġu meħlusa minn parti sinjifikattiva mill-obbligi ta’ kontabbiltà tagħhom, li ma jikkontribwixxix sabiex jintlaħaq l-għan li tiżdied iċ-ċarezza u li titjieb il-paragunabbiltà tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji fl-Unjoni.
(6)
Il-miżuri adottati ma jippermettux li jintlaħaq għan essenzjali tad-Direttiva, li huwa t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi, minħabba li fl-elaborazzjoni tal-abbozz tad-Direttiva ma tteħidx inkunsiderazzjoni t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi li diġà kien ġie effettwat fl-Istati Membri mingħajr tnaqqis fil-portata tal-kontabbiltà, u dan minħabba li l-informazzjoni li kienet sa dan iż-żmien tinkiseb mill-imprendituri fil-kuntest tal-kontabbiltà li, skont l-Artikolu 4(6), din l-informazzjoni ma tkunx tista’ tinkiseb iktar taħt din il-forma, tirriżulta li tkun neċessarja kemm għall-impriżi privati kif ukoll għas-settur pubbliku. Għalhekk, suċċessivament għandha tkun preżenti u tiġi ppubblikata informazzjoni addizzjonali permezz ta’ miżuri oħra, sabiex il-piżijiet amministrattivi jistgħu jiġi allokati mod ieħor u jistgħu wkoll jiżdiedu.
(7)
Is-supremazija tal-kontenut li hija stabbilita fl-Artikolu 6(1)(h) tad-Direttiva hija waħda mill-prinċipji essenzjali rikonoxxuti fiha. Jekk, skont l-Artikolu 6(3), l-Istati Membri jistgħu jirrinunzjaw mill-prinċipju ta’ supremazija tal-kontenut u minbarra dan Stat Membru jagħmel użu minn din il-possibbiltà meta jittrasponi d-Direttiva fl-ordinament ġuridiku tiegħu, jirriżulta impossibbli bħala prinċipju li jintlaħaq l-għan li titjieb il-paragunabbiltà, iċ-ċarezza u l-aspettattiva ġenerali. Bħala konsegwenza, il-miżura adottata tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità.
(8)
Peress li l-miżuri previsti fl-Artikolu 4(6) u (8) u fl-Artikolu 16(3) tad-Direttiva ma jippreżupponux neċessarjament titjib fiċ-ċarezza u fil-paragunabbiltà tal-kontabbiltà fl-Unjoni u peress li l-miżuri adottati, minflok ma jipproduċu tnaqqis fil-piżijiet amministrattivi fl-Istati Membri, jistgħu iwasslu għal allokazzjoni differenti, dawn il-miżuri ma jippermettux li l-għanijiet tad-Direttiva jintlaħqu b’mod iktar effettiv fil-livell tal-Unjoni. Minħabba dan, l-imsemmija dispożizzjonijiet imorru kontra l-prinċipju ta’ sussidjarjetà.
(1) ĠU L 182, p. 19.
Full & Egal Universal Law Academy