16.11.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 336/11
Appell ippreżentat fl-24 ta’ Settembru 2013 minn Metropolis Inmobiliarias y Restauraciones, SL mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fil-11 ta’ Lulju 2013 fil-Kawża T-197/12 — Metropolis Inmobiliarias y Restauraciones, SL vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
(Kawża C-509/13 P)
2013/C 336/23
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: Metropolis Inmobiliarias y Restauraciones, SL (rappreżentant: J. Carbonell Callicó, avukat)
Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), MIP Metro Group Intellectual Property GmbH & Co. KG
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza mogħtija fil-11 ta’ Lulju 2013 mit-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-197/12 u tirrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade mark figurattiva Komunitarja Nru 7585045 METRO għal servizzi li jaqgħu fil-klassi 36;
—
tikkundanna lill-partijiet l-oħra fil-proċedura għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appell ippreżentat kontra s-sentenza ċċitata iktar ’il fuq tal-Qorti Ġenerali huwa bbażat, essenzjalment, fuq it-tliet aggravji li ġejjin:
L-ewwel nett, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kisret l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (1). Fil-fehma tagħha, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat is-servizzi koperti mit-trade marks kunfliġġenti u astjeniet ruħha milli twettaq eżami globali tat-trade marks inkwistjoni.
It-tieni nett, l-appellanti ssostni li s-sentenza appellata tikkontradixxi sentenza oħra mogħtija mill-Qorti Ġenerali f’kawża li kienet tinvolvi l-istess partijiet u li kienet tirrigwarda kwistjonijiet identiċi dwar trade marks simili (Kawża T-284/11). L-appellanti tqis li din is-sentenza, marbuta b’mod indissolubbli ma’ din il-kawża, ma ttiħditx inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali minkejja li hija fil-fatt informat lil din tal-aħħar biha debitament u fil-ħin.
It-tielet nett, l-appellanti ssostni li l-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali hija vvizzjata b’irregolaritajiet li ppreġudikaw l-interessi tagħha u li ċaħħduha ripetutament minn protezzjoni ġuridika. B’mod partikolari, l-appellanti ssostni li s-seduta żvolġiet mingħajr il-parteċipazzjoni tagħha, minkejja li hija kienet talbet li s-seduta tiġi posposta għal motiv serju u kienet ipprovat debitament l-eżistenza ta’ dan il-motiv.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 226).
Full & Egal Universal Law Academy