23.11.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 344/52
Appell ippreżentat fl-1 ta’ Ottubru 2013 minn Think Schuhwerk GmbH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fil-11 ta’ Lulju 2013 fil-Kawża T-208/12 — Think Schuhwerk GmbH vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
(Kawża C-521/13 P)
2013/C 344/90
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: Think Schuhwerk GmbH (rappreżentant: M. Gail, avukat)
Parti oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013 tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-208/12;
—
tilqa’ t-talbiet ippreżentati fl-ewwel istanza;
—
tikkundanna lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) għall-ispejjeż tal-proċedura.
Aggravji u argumenti prinċipali
Ġew invokati essenzjalment l-aggravji li ġejjin.
(1) Ksur tad-dritt għal smigħ
Fil-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali, il-konvenut ma ppreżentax l-osservazzjonijiet tiegħu dwar ir-rikors fit-terminu previst. Konsegwentement, l-appellanti ressqet talba għal deċiżjoni fil-kontumaċja. Madankollu, il-Qorti Ġenerali la ddeċidiet li tagħti deċiżjoni fil-kontumaċja u lanqas li tikkummenta dwar it-talba għal kontumaċja. Konsegwentement, ir-rikorrenti ma kellha ebda possibbiltà li titlob proċedura orali.
(2) Nuqqas li jittieħed inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ motivazzjoni
Il-Qorti Ġenerali naqset milli tikkunsidra li kien hemm nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn il-Bord tal-Appell ibbaża ruħu fuq fatti li jirriżultaw mill-esperjenza prattika ġeneralment miksuba mill-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti ta’ konsum ġenerali, bħalma huma ż-żraben, liema fatti huma magħrufa minn kulħadd u b’mod partikolari mill-konsumaturi ta’ dawn il-prodotti. Il-Bord tal-Appell ma ppreċiżax liema huma dawn il-fatti li jirriżultaw mill-esperjenza prattika miksuba mill-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn il-prodotti. L-Uffiċċju ma spjegax kif din it-trade mark ta’ pożizzjoni ħamra ma hijiex ta’ karattru distintiv minkejja li, fis-suq taż-żraben, jeżistu diversi disinni u kuluri għaż-żraben u għal-lazzijiet.
(3) Nuqqas li tittieħed inkunsiderazzjoni l-portata tal-prinċipju tal-evalwazzjoni ex officio tal-fatti
Il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li, fid-deċiżjoni tiegħu, il-Bord tal-Appell kiser il-prinċipju tal-evalwazzjoni ex officio tal-fatti. Madankollu, l-Uffiċċju sempliċement irrefera għall-fatt l-appellanti ma kinitx ipproduċiet prova li turi li t-trade mark hija meqjusa mill-pubbliku rilevanti bħala indikazzjoni tal-oriġini.
(4) Interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament dwar it-trade marks
Il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljati mill-Uffiċċju tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament dwar it-trade marks, u għalhekk interpretat u applikat din id-dispożizzjoni b’mod żbaljat.
Kuntrarjament għal dak li qieset il-Qorti Ġenerali, it-trufijiet ħomor tal-lazzijiet li jiddistingwu ruħhom mill-bqija tal-lazz minħabba l-kulur tagħhom, jistgħu tabilħaqq jissodisfaw funzjoni distintiva essenzjali fir-rigward tal-oriġini tagħhom. Madankollu, il-Qorti Ġenerali applikat kriterju iktar strett għat-trade mark inkwistjoni milli għat-trade marks verbali u figurattivi. Barra minn hekk, hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-karattru distintiv ma jiddependix minn jekk it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tkunx kunsiderevolment differenti mill-istandards normali tas-settur.
Full & Egal Universal Law Academy