18.1.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 15/3
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija) fit-8 ta’ Ottubru 2013 — Georg Felber vs Bundesministerin für Unterricht, Kunst und Kultur
(Kawża C-529/13)
2014/C 15/03
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Verwaltungsgerichtshof
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Georg Felber
Konvenuta: Bundesministerin für Unterricht, Kunst und Kultur
Domandi preliminari
(1)
Bla ħsara għall-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u għall-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE (1), tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, il-fatt li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-punti għall-irtirar ta’ uffiċjali, jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-perijodi ta’ studji li l-uffiċjal ikun wettaq f’kulleġġ jew fi stabbiliment ta’ edukazzjoni teknika jew professjonali wara li jkun għalaq l-età ta’ 18-il sena, fejn in-numru ta’ perijodi ma huwiex determinanti biss għad-dritt għal pensjoni iżda wkoll għall-ammont tagħha u fejn il-pensjoni inkwistjoni (pensjoni globali) tkun ikkunsidrata, fid-dritt nazzjonali, bħala remunerazzjoni li tibqa’ titħallas fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ servizz taħt id-dritt pubbliku li tibqa’ fis-seħħ anki wara li l-uffiċjal joħroġ bil-pensjoni tal-irtirar, jimplika inugwaljanza fit-trattament (diretta) ibbażata fuq l-età fis-sens tal-Artikolu 21(1) tal-Karta u tal-Artikolu 2(1) u (2)(a) tad-Direttiva?
(2)
Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, uffiċjal jista’, fl-assenza ta’ ġustifikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta u tal-Artikolu 6 tad-Direttiva (ara, f’dan ir-rigward, it-tielet domanda), jinvoka l-applikabbiltà diretta tal-Artikolu 21 tal-Karta u tal-Artikolu 2 tad-Direttiva fi proċedura intiża sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni perijodi mwettqa qabel id-dħul fis-servizz tiegħu anki meta ma jkunx ħareġ bil-pensjoni tal-irtirar fil-mument meta jibda l-proċedura, u dan fid-dawl tal-fatt, b’mod partikolari, li, skont id-dritt nazzjonali, jekk is-sitwazzjoni legali ma tkunx inbidlet fil-mument meta dan joħroġ bil-pensjoni tal-irtirar, l-effetti legali taċ-ċaħda tat-talba tiegħu għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn il-perijodi jkunu jistgħu jiġu invokati fil-konfront tiegħu fi proċedura għall-kalkolu tal-punti tal-irtirar tiegħu jew meta jressaq talba ġdida għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi inkwistjoni?
(3)
Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, l-inugwaljanza fit-trattament hija ġġustifikata fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta u tal-Artikolu 6(1) jew (2) tad-Direttiva
(a)
mill-intenzjoni li għall-persuni li d-data tat-twelid tagħhom kienet wara d-data tal-bidu tas-sena skolastika fis-sena meta bdew l-iskola kif ukoll għall-persuni li jsegwu edukazzjoni ta’ livell superjuri estiża u li, għal din ir-raġuni, ikollhom jibqgħu jistudjaw wara li jkunu għalqu t-18-il sena sabiex jispiċċaw l-istudji tagħhom, jiġu applikati l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għall-persuni li jispiċċaw mill-kulleġġ jew mill-istabbiliment ta’ edukazzjoni teknika jew professjonali qabel jagħlqu t-18-il sena, anki meta l-possibbiltà li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ studji mwettqa wara t-18-il sena ma hijiex limitata għal dawn il-każijiet?
(b)
mill-intenzjoni li mill-kalkolu tad-drittijiet għal-pensjoni jiġu esklużi l-perijodi li matulhom il-persuna kkonċernata ġeneralment ma teżerċita ebda attività professjonali bi ħlas u għalhekk ma tħallas ebda kontribuzzjoni? L-inugwaljanza fit-trattament imsemmija iktar ’il fuq tista’ tiġi ġġustifikata irrispettivament mill-fatt li, inizjalment, lanqas ma huwa meħtieġ li titħallas kontribuzzjoni fir-rigward tal-perijodi ta’ studji mwettqa f’kulleġġ jew fi stabbiliment ta’ edukazzjoni teknika jew professjonali wara l-età ta’ 18-il sena u li, fil-każ li sussegwentement dawn il-perijodi jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tad-drittijiet għall-pensjoni, ikun fi kwalunkwe każ meħtieġ li titħallas kontribuzzjoni partikolari għal dan il-għan?
(c)
minħabba li l-fatt li, għall-finijiet tal-assigurazzjoni tal-irtirar, ma jittieħed inkunsiderazzjoni ebda perijodu preċedenti għad-dħul fis-servizz imwettaq qabel l-età ta’ 18-il sena għandu jitqies li huwa ekwivalenti għall-iffissar, “fir-rigward ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali professjonali, ta’ età għall-parteċipazzjoni jew intitolament għall-benefiċċji” fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva?
(1) Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79)
Full & Egal Universal Law Academy