7.12.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 359/6
Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Ottubru 2013 — Il-Parlament Ewropew vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
(Kawża C-540/13)
2013/C 359/09
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: Il-Parlament Ewropew (rappreżentanti: F. Drexler, A. Caiola, M. Pencheva, aġenti)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrent
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/392/UE, tat-22 ta’ Lulju 2013, li tistabbilixxi d-data tal-effettività tad-Deċiżjoni 2008/633/ĠAI li tikkonċerna aċċess għall-konsultazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) minn awtoritajiet maħtura ta’ Stati Membri u mill-Europol għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-kxif u tal-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi u ta’ reati kriminali serji oħra (1);
—
iżżomm l-effetti tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/392/UE, sal-mument meta hija ser tiġi ssostitwita minn att ġdid adottat fil-forma stabbilita;
—
tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż kollha.
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Parlament Ewropew iqajjem żewġ motivi insostenn tar-rikors tiegħu.
Fl-ewwel lok, il-Parlament Ewropew jikkontesta l-użu, mill-Kunsill, ta’ proċedura deċiżjonali żbaljata għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2013/392/UE. Il-Parlament Ewropew kellu fil-fatt jiġi implikat fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fil-kuntest ta’ proċedura leġiżlattiva ordinarja. Peress li ma kienx ġie assoċjat mal-adozzjoni ta’ dan l-att, il-Parlament Ewropew iqis li l-proċedura deċiżjonali applikata mill-Kunsill tbati minn ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali.
Fit-tieni lok, il-Parlament Ewropew jakkuża lill-Kunsill li uża jew bażi legali mħassra bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, jew bażi legali sekondarja, liema ħaġa hija illegali skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Fl-aħħar nett, fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tannulla d-deċiżjoni kkontestata, il-Parlament iqis li jkun xieraq li l-Qorti tal-Ġustizzja żżomm l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, sal-mument meta din tiġi ssostitwita minn att ġdid adottat skont il-liġi.
(1) ĠU L 198, p. 45.
Full & Egal Universal Law Academy