25.1.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 24/7
Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Novembru 2013 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju ta’ Spanja
(Kawża C-576/13)
2014/C 24/12
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: L. Nicolae u S. Pardo Quintillán, aġenti)
Konvenut: Ir-Renju ta’ Spanja
Talbiet
—
tiddikkjara li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, billi obbliga b’mod ġenerali lill-impriżi burdnara li joperaw fil-portijiet Spanjoli ta’ interess ġenerali jipparteċipaw f’SAGEP (Kumpannija anonima ta’ ġestjoni ta’ burdnara fil-port) u, fi kwalunkwe każ, billi ma ppermettilhomx jirrikorru għas-suq sabiex jikkuntrattaw il-persunal tagħhom, kemm jekk b’mod permanenti jew temporanju, ħlief fil-każ fejn il-ħaddiema proposti mis-SAGEP ma jkunux jikkwalifikaw jew ma jkunux biżżejjed, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jewttaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
—
tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni Ewropea kontra r-Renju ta’ Spanja huwa dwar is-sistema stabbilita permezz tal-Ley de Puertos del Estado y de la Marina Mercante (Liġi dwar il-Portijiet tal-Istat u tal-Marina Merkantili) fir-rigward tal-impriżi burdnara, sa fejn tirreferi għall-ġestjoni tal-ħaddiema għall-provvista tas-servizz portwarju ta’ ġarr ta’ merkanzija.
Il-Kummissjoni tikkunsidra li din is-sistema, billi tobbliga bħala regola ġenerali lill-impriżi burdnara li joperaw fil-portijiet ta’ interess ġenerali Spanjoli jipparteċipaw f’Sociedad Anónima de Gestión de Estibadores Portuarios (Kumpannija anonima ta’ ġestjoni ta’ burdnara fil-port) jew SAGEP, u fi kwalunkwe każ, billi ma tippermettilhomx li jirrikorru għas-suq sabiex jikkuntrattaw il-persunal tagħhom, kemm b’mod permanenti jew temporanju, ħlief fil-każ fejn il-ħaddiema proposti mis-SAGEP ma jkunux jikkwalifikaw jew ma jkunux biżżejjed, hija kuntrarja għall-obbligi tar-Renju ta’ Spanja taħt l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dwar il-libertà ta’ stabbiliment.
Full & Egal Universal Law Academy