25.1.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 24/8
Appell ippreżentat fil-15 ta’ Novembru 2013 minn Intra-Presse mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fis-16 ta’ Settembru 2013 fil-Kawża T-448/11 — Golden Balls Ltd vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
(Kawża C-581/13 P)
2014/C 24/15
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Intra-Presse (rappreżentanti: P. Péters, avukat, T. de Haan, avukat, M. Laborde, avukat)
Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni); Golden Balls Ltd
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Settmebru 2013 fil-Kawża T-448/11;
—
tirrinvijja l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex tiddeċiedi fuq l-azzjoni mibdija minn Intra-Presse taħt l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 (1);
—
tirriżerva l-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti tinvoka li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata minħabba fl-aggravji li ġejjin.
L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja fid-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti fl-evalwazzjoni tal-livell ta’ xebh kunċettwali bejn it-trade marks billi żiedet ir-rekwiżit tal-“proċess intellettwali tat-traduzzjoni”, “tibda billi tittraduċi” jew “traduzzjoni minn qabel”, u billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni r-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti għal servizzi fil-klassi 41. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 8(5) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja billi naqset milli twettaq evalwazzjoni globali u milli teżamina r-rilevanza tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti tal-appellanti u l-eżistenza ta’ rabta possibbli.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy