1.3.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 61/2
Appell ippreżentat fil-21 ta’ Novembru 2013 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fis-6 ta’ Settembru 2013 fil-Kawża T-465/11, Globula vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-596/13 P)
2014/C 61/03
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: K. Herrmann, L. Armati, aġenti)
Parti oħra fil-proċedura: Globula a.s., Ir-Repubblika Ċeka
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fis-6 ta’ Settembru 2013, innotifikata lill-Kummissjoni fil-11 ta’ Settembru 2013, fil-Kawża T-465/11, Globula vs Il-Kummissjoni Ewropea,
—
tikkonstata li l-ewwel motiv invokat fl-ewwel istanza ma huwiex fondat u tibgħat il-kawża mill-ġdid quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi fuq it-tieni u fuq it-tielet motiv fl-ewwel istanza,
—
tirriżerva l-ispejjeż taż-żewġ istanzi.
Aggravji u argumenti prinċipali
Skont il-Kummissjoni, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata għar-raġunijiet segwenti:
Minn naħa, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikoli 288 u 297(1) TFUE, inkwantu kkonstatat li r-regoli tat-Tieni Direttiva Gass (1) japplikaw għal din il-kawża. Din l-ewwel sensiela ta’ argumenti mressqa mill-Kummissjoni tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidietx (b’mod impliċitu) li l-Kummissjoni kienet applikat it-Tielet Direttiva Gass (2) b’mod retroattiv.
Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali wettqet żball fil-klassifikazzjoni legali tagħha tal-fatti u ma applikatx b’mod korrett il-kriterju legali li hija stess kienet ħabbret. Anki jekk jiġi preżunt li l-Qorti Ġenerali ġustament qieset li l-applikazzjoni tar-regoli bażiċi tat-Tielet Direttiva Gass kienu retroattivi (quod non), wieħed għandu jeżamina l-kwistjoni dwar jekk ir-regoli li jinsabu fl-Artikolu 36 tat-Tielet Direttiva Gass jikkostitwixxux pakkett indiviżibbli mill-perspettiva tal-mument li fih huma jipproduċu l-effetti tagħhom, sabiex jiġi evalwat jekk il-Qorti Ġenerali ddeċidietx ukoll ġustament li applikazzjoni retroattiva tar-regoli tal-proċedura li jinsabu fl-imsemmija direttiva kienu pprojbiti bl-istess mod.
Skont il-Kummissjoni, l-evalwazzjoni tad-deċiżjoni ta’ deroga nnotifikata fuq il-bażi tar-regoli tal-proċedura u bażiċi stabbiliti fit-Tielet Direttiva Gass ma timplikax applikazzjoni retroattiva ta’ dan l-att, iżda hija konformi mal-prinċipju ta’ applikazzjoni immedjata li tipprovdi li dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tapplika, kif tidħol fis-seħħ, għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni maħluqa taħt ir-regola l-antika.
(1) Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 230)
(2) Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU L 211, p. 94)
Full & Egal Universal Law Academy