15.2.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 45/19
Appell ippreżentat fil-25 ta’ Novembru 2013 minn Issam Anbouba mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fit-13 ta’ Settembru 2013 fil-Kawża T-563/11, Anbouba vs Il-Kunsill
(Kawża C-605/13 P)
2014/C 45/34
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellant: Issam Anbouba (rappreżentanti: J.-M. Salva u M.-A. Bastin, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet tal-appellant
—
tiddikjara u tiddeċiedi:
—
is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea T-563/11 (Is-Sitt Awla), tat-13 ta’ Settembru 2013, Issam Anbouba vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, hija annullata;
—
id-deċiżjoni li l-appellant jitniżżel fil-lista ta’ persuni u entitajiet milquta mis-sanzjonijiet ekonomiċi hija illegali;
—
id-deċiżjonijiet u r-regolamenti kkontestati fil-Kawża T-563/11 huma annullati;
—
il-Kunsill huwa kkundannat għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tagħha, ir-rikorrrenti tinvoka żewġ aggravji.
Fl-ewwel lok, l-appellant iqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, meta kkunsidrat li l-Kunsill, li ma pproduċiex il-prova ta’ sostenn tal-appellant għar-reġim Sirjan, għamel applikazzjoni ġusta ta’ preżunzjoni ta’ sostenn tal-mexxejja tal-impriżi prinċipali tas-Sirja għar-reġim Sirjan. L-ewwel parti tal-aggravju hija bbażata fuq l-assenza ta’ bażi legali għal tali preżunzjoni. Fil-fatt, in-natura estremament serja u vinkolanti tal-miżuri restrittivi ma tippermettix li jiġu applikati abbażi ta’ preżunzjoni li għaliha ebda att leġiżlattiv ma ppreveda li jkun hemm rimedju legali. It-tieni parti tal-aggravju hija bbażata fuq in-natura sproporzjonata ta’ din il-preżunzjoni fir-rigward tal-għan imfittex, b’mod partikolari minħabba n-natura estremament ġenerali tagħha. It-tielet parti tal-aggravju hija bbażata fuq in-natura inkonfutabbli ta’ din il-preżunzjoni. Il-prova negattiva tal-ineżistenza ta’ sostenn għar-reġim hija materjalment impossibbli li tiġi prodotta u l-għoti ta’ prova pożittiva ta’ oppożizzjoni għar-reġim ma jistax raġonevolment jiġi kkunsidrat bħala l-uniku mezz li jistabbilixxi l-assenza ta’ rabta mar-reġim.
Fit-tieni lok, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali li ddeċidiet fl-assenza ta’ prova prodotta mill-Kunsill. Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tiegħu, l-appellant iqis li l-Qorti Ġenerali kkommettiet żball ta’ liġi, minn naħa, meta ma eżerċitatx kontroll normali fuq id-deċiżjonijiet ikkontestati, u min-naħa l-oħra, meta ddeċidiet mingħajr ma l-Kunsill pprovdielha prova. Fit-tieni parti tat-tieni aggravju tiegħu, l-appellant jilmenta li l-Qorti Ġenerali ma ssanzjonatx, fis-sentenza kkontestata, ksur manifest tal-prinċipju ta’ kontradittorju u tad-drittijiet tad-difiża tal-appellant. Il-Qorti Ġenerali iddispensat lill-Kunsill milli jikkomunika prova jew il-motivi li jiġġustifikaw li ma jkunux żvelati l-elementi u kien ammetta li l-Kunsill jista’ jibbaża d-deċiżjoni tiegħu biss abbażi ta’ preżunzjoni li ma setax ikun hemm rimedju legali għaliha.
Full & Egal Universal Law Academy