8.3.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 71/4
Appell ippreżentat fil-25 ta’ Novembru 2013 minn Duravit AG et mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fis-16 ta’ Settembru 2013 fil-Kawża T-364/10, Duravit AG et vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-609/13 P)
2014/C 71/07
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: Duravit AG, Duravit SA, Duravit BeLux SPRL/BVBA (rappreżentanti: U. Soltész LL.M u C. von Köckritz, avukati)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
(1)
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tas-16 ta’ Settembru 2013 fil-Kawża T-364/10 sa fejn tiċħad ir-rikors tar-rikorrenti;
(2)
tannulla, fl-intier tagħhom, l-Artikolu 1(1), l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 4185 finali, tat-23 ta’ Ġunju 2010, fil-Każ COMP/39.092 — Installazzjonijiet sanitarji għal kmamar tal-banju, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrenti;
(3)
sussidjarjament (fit-tieni kap tat-talbiet) tannulla jew tnaqqas sostanzjalment il-multi imposti fuq ir-rikorrenti bid-deċiżjoni ċċitata;
(4)
iktar sussidjarjament (fit-tieni u fit-tielet kap tat-talbiet) tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi mill-ġdid skont il-prinċipji tad-dritt stabbiliti mill-Qorti Ġenerali;
(5)
Fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw sitt aggravji.
L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, il-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt għal smigħ xieraq [dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 47 u tal-Artikolu 48 flimkien mal-Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u l-Artikolu 6(1) u (2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”)] peress li naqset milli teżerċita l-istħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa fuq id-deċiżjoni kkontestata, kif mitlub, peress li bbażat ruħha fuq preżunzjoni ta’ eżattezza tal-konstatazzjonijiet fattwali u legali stabbiliti mill-Kummissjoni u peress li ma għamlitx suffiċjentement użu mis-setgħa diskrezzjonali tagħha fir-rigward tal-impożizzjoni tal-multi.
It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 263 TFUE, id-dritt għal rimedju effettiv tar-rikorrenti (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta) u l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet billi eżerċitat b’mod insuffiċjenti l-istħarriġ tal-legalità tagħha u billi marret lil hinn mil-limiti ta’ din tal-aħħar għad-detriment tar-rikorrenti.
It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-kontenut tal-fajl b’diversi modi u b’mod li jista’ jkun rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża u kisret il-prinċipji rikonoxxuti li jirregolaw l-amministrazzjoni tal-provi.
Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji proċedurali u kisret l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, kif ukoll id-dritt tagħhom għal smigħ xieraq, u l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet billi użat għad-detriment tagħhom il-provi li ma jistgħux jintużaw u li ġew prodotti tardivament, u motiv invokat tardivament mill-Kummissjoni, u billi ċaħdet b’mod żbaljat u mingħajr motivazzjoni suffiċjenti l-miżuri ta’ istruzzjoni kollha mitluba minnhom.
Il-ħames nett, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 101 TFUE u naqset mill-obbligu tagħha għal motivazzjoni billi kkonstatat li l-Kummissjoni kienet allegat, b’mod korrett, li r-rikorrenti kienu pparteċipaw fi ksur uniku li jikkonċerna diversi prodotti, tagħmir tal-pajpijiet, ħitan tad-doċċa u l-prodotti sanitarji taċ-ċeramika.
Is-sitt nett, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 101 TFUE billi bbażat ruħha fuq kriterju żbaljat sabiex tevalwa l-iskambju ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 101(1) TFUE, billi qieset li r-rikorrenti kienu marbuta jitbiegħdu mid-diskussjonijiet bejn l-impriżi mhux kompetituri, u billi kkunsidraw bħala ksur diġà mwettaq tal-Artikolu 101 TFUE l-allegati “tentattivi ta’ konċertazzjoni” fi ħdan assoċjazzjonijiet interproduttivi f’okkażżjonijiet partikolari.
Full & Egal Universal Law Academy