8.3.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 71/5
Appell ippreżentat fis-26 ta’ Novembru 2013 minn ClientEarth kontra s-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fit-13 ta’ Settembru 2013 fil-Kawża T-111/11, ClientEarth vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-612/13 P)
2014/C 71/08
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: ClientEarth (rappreżentant: P. Kirch, avukat)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Settembru 2013 fil-Kawża T-111/11;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
In sostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tressaq tliet aggravji:
(1)
L-ewwel aggravju li jallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, billi wettqet interpretazzjoni żbaljata tal-kliem “investigazzjoni” u “jdgħajjef il-ħarsien ta’ […] l-iskop ta’ […] investigazzjoni” skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (1).
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qalet, kategorikament, li “l-istudji kontenzjużi jagħmlu parti mill-kuntest ta’ attività ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001”.
Fl-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat it-terminu “investigazzjoni”.
It-tieni parti: anki jekk wieħed iqis li kien hemm investigazzjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi interpretat b’mod żbaljat il-kelma “jdgħajjef”. Il-Qorti Ġenerali rabtet il-kunċett ta’ żvelar mal-kunċett ta’ dgħufija, mingħajr ma pprovdiet dimostrazzjoni konkreta ta’ kif eżattament żvelar idgħajjef l-“iskop” tal-investigazzjonijiet.
(2)
It-tieni aggravju, li jallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kisret l-Artikoli 4(1), (2) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, iffirmata f’Aarhus, id-Danimarka, fil-25 ta’ Ġunju 1998 u approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta’ Frar 2005 (2).
Dan l-aggravju jikkonsisti f’ħames argumenti. L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball billi applikat b’mod restrittiv l-obbligu li tinterpreta l-Artikolu 4(4)( ċ) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-applikazzjoni tagħha tal-miżura fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali żbaljat fl-obbligu tagħha li tinterpreta l-Konvenzjoni ta’ Aarhus skont id-dritt internazzjonali konswetudinarju. Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali żbaljat billi rrifjutat l-applikabbiltà diretta tal-Artikoli 4 u 4(4)(ċ) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali żbaljat fl-applikazzjoni tagħha tal-liġi inkwantu aċċettat dergoa mill-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ibbażata fuq l-“ispeċifiċitajiet” tal-Unjoni Ewropea.
(3)
It-tielet aggravju, li jallega l-ksur mill-Qorti Ġenerali tal-Artikoli 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 (3) u 4(2) in fine u 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi bbażat ir-rifjut tagħha li tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ interess pubbliku akbar fl-iżvelar biss fuq l-analiżi tal-argumenti mressqa mill-appellanti. Dan l-approċċ huwa kuntrarju għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001 kif ukoll għall-ġurisprudenza rilevanti. Fil-fatt, l-argumenti mressqa mill-appellanti f’dan ir-rigward ma jistgħux fihom infushom ikunu r-raġuni għalfejn tiġi miċħuda l-eżistenza ta’ interess pubbliku akbar, dan għaliex il-liġi ma tistabbilixxix l-oneru tal-prova ta’ ċirkustanzi ta’ natura superjuri. L-ibbilanċjar tal-interessi kkonċernati fl-iżvelar għandu jsir mill-istituzzjoni kkonċernata.
(1) Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331)
(2) Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta’ Frar 2005, dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (ĠU L 164M, p. 17)
(3) Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, p. 13)
Full & Egal Universal Law Academy