8.3.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 71/6
Appell ippreżentat fis-27 ta’ Novembru 2013 minn ClientEarth, Pesticide Action Network Europe (PAN Europe) mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fit-13 ta’ Settembru 2013 fil-Kawża T-214/11, ClientEarth, Pesticide Action Network Europe (PAN Europe) vs L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA)
(Kawża C-615/13 P)
2014/C 71/09
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: ClientEarth, Pesticide Action Network Europe (PAN Europe) (rappreżentant: P. Kirch, avukat)
Partijiet oħra fil-proċedura: L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Settembru 2013, fil-Kawża T-214/11;
—
tikkundanna lill-EFSA għall-ispejjeż kollha.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw tliet aggravji.
(1)
L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-kunċett legali ta’ “data personali”, kif iddefinit bl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 45/2001 (1).
Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonstatat li l-kombinazzjoni ta’ ismijiet u opinjoniet tikkostitwixxi data personali. Il-kunċett ta’ “data personali” ma jinkludix opinjonijiet mogħtija matul il-parteċipazzjoni f’kumitat pubbliku fejn esperti, li isimhom u dettalji personali oħra tagħhom jinsabu disponibbli pubblikament, jintalbu jipparteċipaw minħabba l-kompetenzi tekniċi rinomati tagħhom.
(2)
It-tieni aggravju huwa bbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 (2) u tal-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001 fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni, il-proċedura u l-kontenut ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, b’mod partikolari billi l-Qorti Ġenerali naqset milli tikkunsidra u tibbilanċja l-interessi kollha protetti b’dawn il-miżuri.
Il-Qorti Ġenerali naqset milli tikkunsidra b’mod sħiħ l-aspetti kollha tad-dispożizzjonijiet applikabbli: l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 u l-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001. Hija naqset milli tqis u tieħu inkunsiderazzjoni d-diversi interessi protetti taħt iż-żewġ miżuri.
(3)
It-tielet aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 5 TUE billi ġie impost oneru tal-prova sproporzjonat fuq l-appellanti billi ġie meħtieġ minhom li juru l-ħtieġa għat-trasferiment ta’ informazzjoni u l-portata tal-interessi leġittimi protetti.
(1) Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2000, dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102).
(2) Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).
Full & Egal Universal Law Academy