25.1.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 24/16
Appell ippreżentat fis-27 ta’ Novembru 2013 minn Repsol Lubricantes y Especialidades, mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fis-16 ta’ Settembru 2013 fil-Kawża T-496/07, Repsol Lubricantes y Especialidades et vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-617/13 P)
2014/C 24/28
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Appellanti: Repsol Lubricantes y Especialidades, S.A., Repsol Petróleo, S.A. u Repsol, S.A. (rappreżentanti: L. Ortiz Blanco, J.L. Buendía Sierra, M. Muñoz de Juan, Á. Givaja Sanz u A. Lamadrid de Pablo, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
(1)
Tannulla s-sentenza appellata f’dak li jirrigwarda:
—
L-attribuzzjoni tar-responsabbiltà in solidum lil Repsol Petróleo, S.A. u Repsol YPF, S.A. (fil-preżent Repsol, S.A.)
—
Il-kunsiderazzjoni skorretta tal-perijodu 1998-2002 għall-kalkolu tal-multa.
—
L-assunzjoni skorretta minn naħa tal-Qorti Ġenerali tal-ammont bażiku tal-multa stabbilit mill-Kummissjoni fejn naqset mis-setgħa tagħha ta’ stħarriġ ġudizzjarju sħiħ u ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità.
(2)
Tanulla bl-istess mod id-Deċiżjoni kkontestata.
(3)
Tnaqqas, permezz tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, l-ammont tal-multa bl-ammont li hija tikkunsidra xieraq.
(4)
Tiddikjara eċċessiv u inġustifikat it-tul tal-proċeduri ġudizzjarji quddiem il-Qorti Ġenerali, bi ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tad-dritt li kawża tinstema’ b’mod ġust fi żmien raġjonevoli (Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikolu 6 tal-KEDB).
(5)
Tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
(1)
Fl-ewwel lok, Repsol tinvoka żball ta’ liġi fil-metodoloġija użata fis-sentenza fl-evalwazzjoni tal-provi ppreżentati insostenn tal-awtonomija kummerċjali sħiħa u effettiva tal-kumpannija sussidjarja, Repsol Lubricantes y Especialidades, S.A. jew, sussidjarjament, nuqqas ta’ motivazzjoni.
(2)
Fit-tieni lok, Repsol tikkunsidra li s-sentenza interpretat b’mod żbaljat l-Avviż ta’ Klemenza tal-2002.
(3)
Fit-tielet lok, Repsol tikkunsidra li s-sentenza tikser l-Artikolu 261 TFUE u l-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-obbligu tagħha li tirrevedi fuq il-mertu s-sanzjonijiet fil-qasam tal-kompetizzjoni.
(4)
Fl-aħħar nett, Repsol tinvoka ksur min-naħa tal-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (1) u tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem billi ma ddeċidietx f’terminu raġonevoli.
(1) ĠU 2000, C 364, p. 1
Full & Egal Universal Law Academy