15.2.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 45/19
Appell ippreżentat fis-27 ta’ Novembru 2013 minn Zucchetti Rubinetteria SpA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fis-16 ta’ Settembru 2013 fil-Kawża T-396/10, Zucchetti Rubinetteria vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-618/13 P)
2014/C 45/35
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Appellant: Zucchetti Rubinetteria SpA (rappreżentanti: M. Condinanzi, P. Ziotti u N. Vasile, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellant
—
tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fil-Kawża T-396/10 li jitlob għat-tħassir jew għat-tnaqqis tal-multa imposta permezz tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata tat-23 ta’ Ġunju 2010 C(2010) 4185 finali dwar proċedura msemmija fl-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE Każ COMP/39.092 — Installazzjonijiet sanitarji għal kmamar tal-banju,
—
u, filwaqt li tagħti deċiżjoni definittiva dwar il-kawża skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tħassar, jew, minn tal-inqas, tnaqqas il-multa imposta permezz tal-imsemmija deċiżjoni tal-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħa tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa.
—
fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ikkawżati bil-proċedura preżenti kif ukoll dawk relatati mal-Kawża T-396/10.
Aggravji u argumenti prinċipali
Il-ksur tad-dritt tal-Unjoni Ewropea għal dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-multi u l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, in-natura kontradittorja u n-nuqqas ta’ motivazzjoni kif ukoll l-eżerċizzju mhux sħiħ tas-setgħa ta’ stħarriġ ġudizzjarju. B’mod partikolari, il-ksur tal-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (1) u tal-prinċipji ta’ responsabbiltà personali, ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament fl-implementazzjoni tas-sanzjonijiet fil-qasam tal-ġlieda kontra l-akkordji.
Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kienet ikkonstatat in-natura kontradittorja u illegali tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn, huwa rikonoxxut li Zucchetti Rubinetteria S.p.A. wettqet ksur inqas gravi minn dak tal-impriżi internazzjonali li pparteċipaw fl-akkordju, peress li ma kinitx tagħmel parti minnu, u lanqas ma kinitx taf bl-estensjoni ta’ dan l-akkordju għal swieq oħra li ma kinux Taljani, mingħajr madankollu ma tiġbed il-konklużjonijiet li jirriżultaw għall-istabbiliment tal-ammont tal-multa. L-applikazzjoni tal-istess koeffiċjenti multiplikatur u l-esklużjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti, li jinvolvu ċ-ċaħda tar-rikors anki fir-rigward tat-tħassir jew tat-tnaqqis tal-multa imposta, jirriżultaw fi ksur tal-prinċipji ġenerali mfakkra iktar il fuq u tad-dispożizzjonijiet previsti fil-punti 25 u 29 tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi iżda wkoll tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).
Full & Egal Universal Law Academy