8.2.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 39/8
Appell ippreżentat fit-28 ta’ Novembru 2013 minn Orange, li qabel kienet France Télécom mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fis-16 ta’ Settembru 2013 fil-Kawża T-258/10, Orange vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-621/13 P)
2014/C 39/15
Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż
Partijiet
Appellanti: Orange, li qabel kienet France Télécom (rappreżentanti: H. Viaene u D. Gillet, avukati)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, ir-Repubblika Franċiża, Dipartiment ta’ Hauts-de-Seine, Sequalum SAS
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Settembru 2013, mogħtija fil-Kawża T-258/10, Orange vs Il-Kummissjoni Ewropea, u, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi neċessarji kollha sabiex tiddeċiedi b’mod definittiv hija stess fuq il-mertu tal-kawża, tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 7426 finali, tat-30 ta’ Settembru 2009, dwar il-kumpens għal spejjeż ta’ Delega ta’ Servizz Pubbliku (DSP) għall-istabbiliment u l-użu ta’ netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi b’veloċità qawwija fid-dipartiment ta’ Hauts-de-Seine (Għajnuna mill-Istat Nru N 331/2008 — Franza);
—
sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata u tirrinvija l-kawża lill-Qorti Ġenerali sabiex tkompli tisma’ l-kawża;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni, lid-Dipartiment u lil Sequalum għall-ispejjeż kollha tal-kawża, bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż inkorsi mir-Repubblika Franċiża;
—
tiddikjara li r-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż tagħha.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti tqajjem erba’ aggravji insostenn tal-appell tagħha.
Fl-ewwel lok, l-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, ibbażat fuq l-Artikolu 36 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, għaliex il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod insuffiċjenti u kontradittorju fuq motiv dwar l-assenza ta’ falliment tas-suq. L-appellanti tilmenta b’mod iktar partikolari li l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tagħha dwar il-fatt li l-proġett THD 92 ma setax jiġi kklassifikat bħala servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali, minħabba l-assenza ta’ falliment tas-suq li tirriżulta mill-preżenza ta’ operaturi kompetituri li joffru servizzi analogi.
Fit-tieni lok, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tagħha tal-mument li fih għandha tiġi evalwata l-eżistenza ta’ tali falliment tas-suq. Fil-fatt, skont l-appellanti, huwa fil-mument li fih tiġi adottata l-miżura intiża sabiex tikkumpensa għal falliment tas-suq li dan il-falliment għandu jiġi evalwat.
Fit-tielet lok, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni li għamlet tal-paragrafu 78 tal-Linji gwida (1), meta kkunsidrat li l-“analiżi dettaljata” li għaliha għandha tkun suġġetta kull għajnuna mill-Istat prevista f’żona sewda tradizzjonali, ma timplikax il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali stabbilita bl-Artikolu 108(2) TFUE.
Fl-aħħar lok, l-appellanti tqis li l-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali li ż-żoni li r-rata ta’ ritorn intern tagħhom tinsab bejn 9 u 10.63 % ma jingħatawx kumpens, hija manifestament żbaljata. Għalhekk, il-konsegwenzi legali li l-Qorti Ġenerali siltet minn din il-konstatazzjoni, jiġifieri l-assenza ta’ kumpens żejjed, u għaldaqstant, il-konformità tal-proġett inkwistjoni mat-tielet kriterju tal-ġurisprudenza Altmark, huma żbaljati.
(1) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Linji gwida Komunitarji għall-applikazzjoni ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b’rabta mat-tusigħ rapidu tan-netwerks tal-faxx wiesa’ (ĠU 2009, C 235, p. 7).
Full & Egal Universal Law Academy