8.2.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 39/10
Appell ippreżentat fid-29 ta’ Novembru 2013 minn Villeroy & Boch AG mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fis-16 ta’ Settembru 2013 fil-Kawżi magħquda T-373/10, T-374/10, T-382/10 u T-402/10, Villeroy & Boch AG et vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-625/13 P)
2014/C 39/17
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Klusmann, avukat, S. Thomas)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tas-16 ta’ Settembru 2013 fil-Kawżi magħquda T-373/10, T-374/10, T-382/10 u T-402/10, sa fejn din tiċħad ir-rikors fir-rigward tal-appellanti;
—
sussidjarjament, tannulla parzjalment l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni C(2010) 4185 finali tal-konvenuta, tat-23 ta’ Ġunju 2010, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mis-sentenza appellata, sa fejn din tikkonċerna lill-appellanti;
—
sussidjarjament, tnaqqas b’mod xieraq l-ammont tal-multa imposta kontra l-appellanti mill-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tat-23 ta’ Ġunju 2010;
—
iktar sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tagħti deċiżjoni mill-ġdid;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
Fil-kuntest tal-ewwel sitt aggravji tagħha, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-provi. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li setgħet tikkundanna lill-appellanti abbażi ta’ provi li jikkonċernaw il-ksur allegatament imwettaq fi Franza, filwaqt li evalwat dawn il-provi b’mod kompletament differenti f’kawżi paralleli (1). L-appellanti tikkunsidra li tali approċċ jikser il-prinċipju ta’ benefiċċju tad-dubju u r-regoli tal-loġika, peress li tali evalwazzjoni ma tistax timplika riżultat differenti għad-detriment tagħha.
Fil-kuntest tat-tieni aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali imputat fil-konfront tagħha, bħala manifattur ta’ prodotti sanitarji taċ-ċeramika, il-ksur imwettaq mill-Italja mill-impriżi mhux kompetittivi (jiġifieri manifatturi ta’ prodotti ta’ rubinetterija), minkejja li hija stess ma pparteċipatx f’laqgħat tal-akkordju preżunt. Barra minn hekk, l-appellanti tikkunsidra, fir-rigward ta’ dan il-punt, li l-Qorti Ġenerali ddikjarat, f’kawżi paralleli dwar il-kompetituri tal-appellanti (2), li l-impriżi mhux kompetittivi ma setgħux jallegaw li kien hemm aġir li jikkostitwixxi ksur, inkluż jekk kienu preżenti waqt l-allegat ksur imwettaq mill-manifatturi ta’ prodotti ta’ rubinetterija. Minbarra inugwaljanza fit-trattament li kienet manifestament diskriminatorja għad-detriment tal-appellanti, is-sentenza appellata tikser il-prinċipju ta’ benefiċċju tad-dubju u r-regoli ta’ loġika. Fil-fatt, meta l-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-istess fatt jista’ jagħti lok għal żewġ evalwazzjonijiet differenti, għandha tintgħażel l-evalwazzjoni l-inqas vinkolanti għall-kumpanniji ssanzjonati u mhux, bħal fil-kawża ineżami, l-evalwazzjoni l-iktar sfavorevoli.
Fir-rigward tat-tielet aggravju dwar il-ksur kumpless imwettaq fil-Pajjiżi l-Baxxi, l-appellanti tikkontesta n-nuqqas ta’ legalità ta’ deċiżjoni ta’ natura dikjaratorja bbażata fuq fatti preskritti. L-appellanti tikkunsidra wkoll li l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali ma humiex koerenti fil-motivi u fid-dispożittiv tas-sentenza. Id-dispożittiv huwa fil-fatt imfassal b’mod iktar wiesa’ mill-konstatazzjonijiet fattwali li jinsabu fil-motivi tas-sentenza. Peress li d-dispożittiv ma huwiex sostnut minn motivi, is-sentenza appellata hija vvizzjata minn nuqqas gravi ta’ motivazzjoni, u dan jikser l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 81 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti Ġenerali.
Fil-kuntest tar-raba’ aggravju, l-appellanti ssostni, essenzjalment, li fir-rigward tal-Belġju, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni diversi fatti rilevanti, minkejja li l-Qorti Ġenerali stess kienet irrilevathom waqt is-seduta.
L-ilmenti mqajma fil-kuntest tal-ħames aggravju jikkonċernaw il-konstatazzjonijiet dwar il-ksur imwettaq fil-Ġermanja. L-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali injorat jew biddlet il-proposti tagħha dwar dan is-suġġett. Hija ssostni, barra minn hekk, li diversi konstatazzjonijiet dwar skambju ta’ informazzjoni allegatament illegali dwar l-Artikolu 101(1) TFUE ma jistgħux jiġu difiżi fid-dritt.
Fil-kuntest tas-sitt aggravju, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi waqt l-analiżi tal-ksur imwettaq fl-Awstrija.
Fil-kuntest tas-seba’ aggravju, l-appellanti tikkunsidra li l-fatt li ġie allegat fil-konfront tagħha, b’inferenza, ksur imwettaq minn impriżi legalment indipendenti jikser il-prinċipju “nulla poena sine culpa”.
Fil-kuntest tat-tmien aggravju, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali legalment ikkwalifikat diversi prattiki bi ksur uniku, kumpless u kontinwu (single complex and continuous infringement, iktar ’il quddiem “SCCI”), meta dawn il-prattiki kienu indipendenti kemm skont il-liġi kif ukoll skont il-fatti u li tali kwalifika ma kinitx iġġustifikata minħabba li l-prattiki kkunsidrati flimkien ma kinux komplementari. Fl-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali, skont l-appellanti, il-kunċett ġuridiku ta’ SCCI jikser il-prinċipju ta’ smigħ xieraq.
Fil-kuntest tad-disa’ aggravju, ir-rikorrenti tikkunsidra li, fin-nuqqas ta’ parteċipazzjoni diretta fil-ksur, ma kienx possibbli li tiġi imposta multa in solidum, minkejja li kien hemm ksur tal-prinċipju ta’ legalità u l-prinċipju ta’ responsabbiltà personali.
Fil-kuntest tal-għaxar aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fit-twettiq tal-hekk imsejħa “light review” u tallega li l-Qorti Ġenerali ma eżerċitatx korrettament il-kontroll tagħha u għalhekk ma żguratx l-osservanza tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja stabbilit fid-dritt tal-Unjoni.
Fil-kuntest tal-ħdax-il aggravju, l-appellanti ssostni li l-multa ikkonfermata mill-Qorti Ġenerali hija fi kwalunkwe każ sproporzjonata. Fid-dawl tal-fatt li ċerti provi inkriminanti kienu annullati mill-Qorti Ġenerali u li provi oħra għandhom ukoll jiġu annullati minħabba motivazzjoni legali żbaljata, la tista’ tiġi kkunsidrata bħala proporzjonata u lanqas bħala legali ż-żamma tas-sanzjoni legali massima imposta mill-Qorti Ġenerali (jiġifieri 10 % tad-dħul mill-bejgħ tal-grupp). Peress li l-parti l-kbira tal-fatti mressqa sabiex jiġġustifikaw il-ksur ma kinux validi, ma huwiex possibbli li jiġi kkunsidrat, fid-dawl tan-nuqqas manifest ta’ prova u ta’ rabta kawżali kif ukoll tan-natura mhux imputabbli tal-prattiki, li SCCI twettaq għal għaxar snin fir-rigward ta’ 3 gruppi ta’ prodotti f’6 pajjiżi differenti. Jekk ikun possibbli, jekk huwiex possibbli li jiġi kkunsidrat jekk ksur speċifiku twettaqx fuq livell lokali, tali ksur fl-ebda każ ma jiġġustifika l-gravità tas-sanzjoni imposta. Il-kawża inkwistjoni hija ’l bogħod milli tikkostitwixxi każ serju ħafna, li l-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni u għalhekk naqset milli serjament tikkunsidra l-kriterji ta’ evalwazzjoni li għandha tinterpreta.
(1) Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Settembru 2013, Keramag Keramische Werke et vs Il-Kummissjoni (T-379/10 u T-381/10, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra).
(2) Sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Settembru 2013, Keramag Keramische Werke et vs Il-Kummissjoni (T-379/10 u T-381/10, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), u Wabco Europe et vs Il-Kummissjoni (T-380/10, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra).
Full & Egal Universal Law Academy