15.2.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 45/21
Appell ippreżentat fil-25 ta’ Novembru 2013 minn Issam Anbouba mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fit-13 ta’ Settembru 2013 fil-Kawża T-592/11, Anbouba vs Il-Kunsill
(Kawża C-630/13 P)
2014/C 45/37
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellant: Issam Anbouba (rappreżentanti: J.-M. Salva u M.-A. Bastin, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet tal-appellant
—
taqta’ u tiddeċiedi
—
is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea T-592/11 (Is-Sitt Awla) tat-13 ta’ Settembru 2013, Issam Anbouba vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, hija annullata;
—
id-deċiżjoni ta’ reġistrazzjoni tal-appellant fuq il-lista ta’ persuni u entitajiet imsemmija mis-sanzjonijiet ekonomiċi hija illegali;
—
id-deċiżjonijiet u r-regolamenti kkontestati fil-Kawża T-592/11 huma annullati;
—
Il-Kunsill huwa kkundannat għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka żewġ aggravji.
Fl-ewwel lok, l-appellant iqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, meta kkunsidrat li l-Kunsill, fin-nuqqas tal-kapaċità li jipproduċi prova ta’ sostenn tal-appellant għall-gvern Sirjan, għamel applikazzjoni ġusta ta’ preżunzjoni ta’ sostenn tat-tmexxija ta’ impriżi prinċipali tas-Sirja għall-gvern Sirjan. L-ewwel parti tal-aggravju hija bbażata fuq l-assenza ta’ bażi legali ta’ din il-preżunzjoni. Fil-fatt, in-natura estremament gravi u vinkolanti ta’ miżuri restrittivi ma jippermettux li jkunu applikati fuq il-bażi ta’ preżunzjoni li għaliha ebda att leġiżlattiv ma kien regolarment previst li wieħed jirrikorri. It-tieni parti tal-aggravju hija bbażata fuq in-natura sproporzjonata ta’ din il-preżunzjoni fid-dawl tal-għan imfittex, b’mod partikolari minħabba n-natura estremament ġenerali tagħha. It-tielet parti tal-aggravju hija bbażata fuq in-natura mhux konfutabbli ta’ din il-preżunzjoni. Il-prova negattiva tal-ineżistenza ta’ sostenn għall-gvern hija materjalment impossibbli li tiġi prodotta u l-produzzjoni ta’ prova pożittiva ta’ oppożizzjoni għall-gvern ma tistax tiġi kkunsidrata b’mod raġonevoli bħala l-uniku aggravju biex tiġi stabbilita l-assenza ta’ rabta mal-gvern.
Fit-tieni lok, l-appellant jilmenta li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fl-assenza ta’ prova prodotta mill-Kunsill. Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tiegħu, l-appellant jqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, minn naħa, meta ma eżerċitatx stħarriġ normali fuq id-deċiżjonijiet appellati, u min-naħa l-oħra, meta ddeċidiet mingħajr ma l-Kunsill ipproduċielha prova. Fit-tieni parti tat-tieni aggravju, l-appellant jilmenta li l-Qorti Ġenerali ma ssanzjonatx, fis-sentenza appellata, ksur manifest tal-prinċipju ta’ kontradittorju u tad-drittijiet tad-difiża tal-appellant. Il-Qorti Ġenerali kienet iddispensat lill-Kunsill milli jikkomunika l-provi jew il-motivi li jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ żvelar tal-imsemmija provi u kienet ammettiet li l-Kunsill jista’ jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq l-unika bażi ta’ preżunzjoni li għaliha wieħed ma kienx jista’, iżda, juża regolarment.
Full & Egal Universal Law Academy