1.3.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 61/4
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberste Patent- und Markensenat (l-Awstrija) fit-2 ta’ Diċembru 2013 — Arne Forsgren
(Kawża C-631/13)
2014/C 61/06
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Oberste Patent- und Markensenat
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Arne Forsgren
Konvenuta: Österreichische Patentamt
Domandi preliminari
(1)
Skont l-Artikolu 1(b) u l-Artikolu 3(a) u (b) tar-Regolament (KE) Nru 469/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Mejju 2009, dwar iċ-ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari għal prodotti mediċinali (1), ċertifikat ta’ protezzjoni jista’ jingħata, jekk il-kundizzjonijiet l-oħra huma sodisfatti, fir-rigward ta’ ingredjent attiv protett bi privattiva bażika (f’dan il-każ, il-proteina D) meta dan l-ingredjent attiv ikun inkluż fil-prodott mediċinali (f’dan il-każ, Synflorix) f’rabta kovalenti (molekulari) ma’ ingredjenti attivi oħra, filwaqt li madankollu jżomm l-effett tiegħu stess?
(2)
Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:
2.1.
Skont l-Artikolu 3(a) u (b) tar-Regolament (KE) Nru 469/2009, ċertifikat ta’ protezzjoni jista’ jingħata għal sustanza protetta bi privattiva bażika (f’dan il-każ, il-proteina D) meta tali sustanza jkollha effett terapewtiku minnha stess (f’dan il-każ, bħala vaċċin kontra l-batterju Haemophilus influenzae) iżda l-awtorizzazzjoni tal-prodott mediċinali ma tikkonċernax dan l-effett?
2.2.
Skont l-Artikolu 3(a) u (b) tar-Regolament (KE) Nru 469/2009, ċertifikat ta’ protezzjoni jista’ jingħata għal sustanza protetta bi privattiva bażika (f’dan il-każ, il-proteina D) meta l-awtorizzazzjoni tiddeskrivi din is-sustanza bħala l-“vettur” tal-ingredjent attiv proprju (f’dan il-każ, Pneumococcal polysaccharides), li din is-sustanza ssaħħaħ l-effett ta’ dan l-ingredjent attiv bħala “aġent”, iżda dan l-effett ma huwiex espressament imsemmi fl-awtorizzazzjoni tal-prodott mediċinali?
(1) ĠU L 152, p. 1.
Full & Egal Universal Law Academy