15.2.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 45/22
Appell ippreżentat fl-4 ta’ Diċembru 2013 minn Total Marketing Services, aventi kawża ta’ Total Raffinage Marketing, mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fit-13 ta’ Settembru 2013 fil-Kawża T-566/08, Total Raffinage Marketing vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-634/13 P)
2014/C 45/38
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellanti: Total Marketing Services, aventi kawża ta’ Total Raffinage Marketing (rappreżentanti: A. Vandencasteele, C. Lemaire, S. Naudin, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali eskludiet, bi żball, il-waqfien tal-parteċipazzjoni ta’ Total Marketing Services (iktar ’il quddiem “TMS”) fil-ksur wara t-12 ta’ Mejju 2004;
—
tannulla s-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali eskludiet, bi żball, kull differenza fit-trattament mhux iġġustifikata bejn TMS u Repsol dwar it-tul tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur;
—
tannulla s-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali eskludiet, bi żball, l-interruzzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ TMS fil-ksur bejn is-26 ta’ Mejju 2000 u s-27 ta’ Ġunju 2001;
—
tannulla s-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali ma rrispondietx għall-motiv ibbażat fuq l-assenza ta’ eżami tal-provi tal-aġir kompetittiv ta’ TMS fis-suq;
—
tiddeċiedi b’mod definittiv, b’mod konformi mal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u, b’hekk, tannulla d-deċiżjoni sa fejn din tikkonċerna lil TMS u, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tnaqqas il-multa imposta fuq TMS,
—
fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma tiddeċidix b’mod definittiv fil-kawża preżenti, tirriżerva l-ispejjeż u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal eżami mill-ġdid, b’mod konformi mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja;
—
fl-aħħar nett, b’mod konformi mal-Artikolu [184] tar-Regoli tal-Proċedura, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kemm quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka erba’ aggravji.
Fl-ewwel aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 101 TFUE, ir-regoli tal-amministrazzjoni tal-prova, il-prinċipji ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza u ta’ ċertezza legali kif ukoll ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni meta ddeċidiet li r-rikorrenti pparteċipat fil-ksur bejn it-12 ta’ Mejju 2004 u t-28 ta’ April 2005 minħabba li din ma wrietx li tbiegħdet, b’mod pubbliku, mill-akkordju matul dan il-perijodu.
Permezz tat-tieni aggravju tagħha, meħud fiż-żewġ partijiet tiegħu, l-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali kisret, minn naħa, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, u min-naħa l-oħra, li hija wettqet żnaturament tal-provi dokumentali dwar l-istediniet riċevuti minn TMS u Repsol, sa fejn il-Qorti Ġenerali eskludiet kull irtirar ta’ TMS mill-akkordju wara l-laqgħa tal-11 u t-12 ta’ Mejju 2004, iżda approvat l-irtirar ta’ Repsol wara l-laqgħa tat-3 u l-4 ta’ Awwissu 2004.
Permezz tat-tielet aggravju tagħha, meħud fiż-żewġ partijiet tiegħu, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 101 TFUE, ir-regoli tal-amministrazzjoni tal-prova, il-prinċipji ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza u ta’ ċertezza legali kif ukoll ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni meta ddeċidiet li TMS wa waqqfitx il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur bejn is-26 ta’ Mejju 2000 u s-26 ta’ Ġunju 2001 peress li din ma kinitx uriet it-tbegħid tagħha, b’mod pubbliku, mill-akkordju matul dan il-perijodu.
Fl-aħħar nett, permezz tar-raba’ aggravju tagħha, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, ta’ individwalità tal-pieni u sanzjonijiet, kif ukoll ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni, sa fejn il-Qorti Ġenerali warrbet, mingħajr ma eżaminatu, il-motiv ibbażat fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-provi tal-aġir kompetittiv ta’ TMS.
Full & Egal Universal Law Academy