15.2.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 45/24
Appell ippreżentat fil-5 ta’ Diċembru 2013 minn Villeroy et Boch mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fis-16 ta’ Settembru 2013 fil-Kawżi magħquda T-373/10, T-374/10, T-382/10 u T-402/10, Villeroy et Boch Austria et vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-644/13 P)
2014/C 45/41
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellanti: Villeroy et Boch (rappreżentant: J. Philippe, avukat)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
annullament integrali tas-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tas-16 ta’ Settembru 2013 fil-Kawżi magħquda T-373/10, T-374/10, T-382/10 u T-402/10, sa fejn din tiċħad ir-rikors tar-rikorrenti;
—
sussidjarjament, l-annullament parzjali tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali mogħtija fis-16 ta’ Settembru 2013;
—
sussidjarjament, it-tnaqqis tal-multa imposta fuq l-appellanti fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata tat-23 ta’ Ġunju 2010;
—
sussidjarjament ukoll, li t-tilwima tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tagħti deċiżjoni mill-ġdid;
—
tikkundanna lill-appellata għall-ispejjeż tal-proċeduri.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti tqajjem erba’ aggravji insostenn ta’ dan l-appell.
Permezz tal-ewwel aggravju, l-appellanti tqajjem kontradizzjoni fl-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-mezzi ta’ prova li jikkonċernaw il-fatti kollha fi Franza. Il-Qorti Ġenerali kienet fil-fatt, fis-sentenza appellata, evalwat tliet provi b’mod kuntrajrju, u anki dijametrikament oppost, fl-evalwazzjoni li hija għamlet tal-istess provi fil-Kawżi magħquda paralleli T-379/10 u T-381/10, Sanitec, u T-380/10, Wabco/Ideal Standard, kawżi li fihom l-appellanti ġew meħlusa mill-akkużi li jikkonċernaw Franza. Skont l-appellanti f’dan l-appell, tali kontradizzjoni fundamentali, li timmanifesta ruħha permezz ta’ konklużjonijiet opposti li jirriżultaw mill-istess provi, tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-prinċipju ta’ in dubio pro reo u wkoll tippreġudika l-koerenza loġika u ġuridika tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali.
Permezz tat-tieni aggravju, l-appellanti takkuża lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi. Il-Qorti Ġenerali kienet fil-fatt ġabret mill-ġdid b’mod artifiċjali atti li kienu ġuridikament distinti u indipendenti fil-fatti, sabiex tikkwalifikahom bħala ksur kumpless u kontinwu. Minbarra dan, il-Qorti Ġenerali kienet naqset milli tieħu kunsiderazzjoni tal-assenza ta’ kull relazzjoni ta’ komplementarjetà bejn atti li hija kienet għaldaqstant evalwat fi grupp.
Permezz tat-tielet aggravju, l-appellanti tikkritika l-livell ta’ stħarriġ eżerċitat mill-Qorti Ġenerali, li kienet sempliċement limitat ruħha għal stħarriġ ristrett u, billi għamlet hekk, ma kinitx eżawrixxiet kompletament il-kompetenza ta’ stħarriġ tagħha u s-setgħa ta’ reviżjoni tagħha. L-appellanti tiddeduċi minn dan, ksur tad-dritt għal smigħ xieraq.
Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, l-appellanti tqis li s-sanzjoni imposta hija sproporzjonata.
Full & Egal Universal Law Academy