8.2.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 39/14
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Galați (ir-Rumanija) fil-5 ta’ Diċembru 2013 — Casa Județeană de Pensii Brăila vs E.S.
(Kawża C-646/13)
2014/C 39/22
Lingwa tal-kawża: ir-Rumen
Qorti tar-rinviju
Curtea de Apel Galați
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Casa Județeană de Pensii Brăila
Konvenuta: E.S.
Domandi preliminari
(1)
Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 (1) għandhom jiġu interpretati fis-sens li jeskludu l-applikazzjoni ta’ konvenzjoni bilaterali fil-qasam tas-sigurtà soċjali li tkun ġiet stipulata qabel l-applikazzjoni tar-regolament u li ma tidhirx fl-Anness II tar-regolament, minkejja li l-iskema applikabbli skont il-konvenzjoni bilaterali tirriżulta bħala iktar favorevoli għall-persuna assigurata minn dik li tkun applikata abbażi tar-regolament?
(2)
Fl-evalwazzjoni tan-natura iktar favorevoli tal-konvenzjoni bilaterali, l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 jimponi limitazzjoni tal-interpretazzjoni ġuridika tal-ftehim bilaterali jew għandha tiġi eżaminata wkoll il-modalità konkreta ta’ applikazzjoni tiegħu (fir-rigward tal-portata tal-ammont tal-pensjoni li tista’ tingħata minn kull Stat, li l-ħlas tagħha jiġi ddeterminat skont l-applikazzjoni/nuqqas ta’ applikazzjoni tal-ftehim permezz tar-regolament)?
(3)
F’każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda (fis-sens li ma hijiex eskluża l-applikazzjoni tal-konvenzjoni bilaterali dwar is-sigurtà soċjali), tista’ tiġi kkunsidrata iktar favorevoli, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, sistema legali li abbażi tagħha Stat firmatarju tal-konvenzjoni dwar is-sigurtà soċjali jirrikonoxxi perijodu kontributtiv iqsar minn dak li jkun effettivament ġie akkumulat, u l-imsemmi Stat iħallas pensjoni għal ammont ikbar minn dak li jkun dovut fl-Istat kofermatarju jekk ikun rikonoxxut il-perijodu kontributtiv sħiħ?
(1) Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (GU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72).
Full & Egal Universal Law Academy