29.3.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 93/19
Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Diċembru 2013 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Taljana
(Kawża C-653/13)
2014/C 93/30
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: D. Recchia, E. Sanfrutos Cano, agenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika Taljana
Talbiet
—
tikkonstata li billi ma adottatx il-miżuri kollha neċessarji sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni tas-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fl-4 ta’ Marzu 2010 fil-Kawża C-297/08, li permezz tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li billi ma adottatx, għar-reġjun ta’ Campania, il-miżuri kollha neċessarji sabiex tiżgura li l-iskart jiġi rkuprat u mormi mingħajr periklu għas-saħħa tal-bniedem u mingħajr ħsara lill-ambjent, u b’mod partikolari, billi ma stabbilixxitx netwerk adegwat u integrat ta’ stallazzjonijiet għar-rimi, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2006/12/KE (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2006, dwar l-iskart, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260(1) TFUE;
—
tikkundanna lir-Repubblika Taljana tħallas lill-Kummissjoni pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum ta’ EUR 256 819,2 (jiġifieri EUR 85 606,4 kuljum għal kull kategorija ta’ stallazzjoni), bit-tnaqqis eventwali marbut mal-formula ta’ digressjoni proposta, mill-ġurnata tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża sal-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza fil-Kawża C-297/08;
—
tikkundanna lir-Repubblika Taljana tħallas lill-Kummissjoni somma f’daqqa li l-ammont tagħha jirriżulta mill-multiplikazzjoni ta’ ammont ta’ kuljum ta’ EUR 28 089,6 bin-numru ta’ ġranet ta’ persistenza tal-ksur, mill-ġurnata tal-għoti tas-sentenza fil-Kawża C-297/08 sad-data ta’ meta tingħata s-sentenza għal din il-kawża;
—
tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
L-Italja ma adottatx il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni tas-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-297/08. Is-sanzjoni proposta (pagamenti ta penalità ta’ kuljum u somma f’daqqa) hija adatta għall-gravità u għat-tul tal-ksur u tieħu inkunsiderazzjoni n-neċessità li jiġi ggarantit l-effett dissważiv tas-sanzjoni sabiex jiġu evitati r-reċidivi.
(1) Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2006, dwar l-iskart (ĠU L 114, p. 9).
Full & Egal Universal Law Academy