22.3.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 85/12
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Hannover (il-Ġermanja) fit-12 ta’ Diċembru 2013 — Wilhelm Spitzner, Maria-Luise Spitzner vs TUIfly GmbH
(Kawża C-658/13)
2014/C 85/20
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Landgericht Hannover
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Wilhelm Spitzner u Maria-Luise Spitzner
Konvenuta: TUIfly GmbH
Domandi preliminari
(1)
L-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, għandu jiġi interpretat fis-sens li ċirkustanza straordinarja li tikkawża dewmien ta’ titjira tikkostitwixxi wkoll ċirkustanza straordinarja fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni għal titjira segwenti fil-każ fejn il-konsegwenza ta’ din iċ-ċirkustanza li tkun ikkawżat dewmien taffettwa t-titjira sussegwenti sempliċement minħabba l-organizzazzjoni tat-trasportaturi tal-ajru?
(2)
L-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ natura evitabbli ma jikkonċernax iċ-ċirkustanzi straordinarji fihom infushom, iżda d-dewmien jew l-annullament tat-titjira li jirriżultaw minn tali ċirkustanzi straordinarji?
(3)
L-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-trasportaturi tal-ajru li jwettqu t-titjiriet tagħhom fil-kuntest ta’ sistema msejħa ta’ rotazzjoni għandhom raġonevolment jipprevedu ħin ta’ riżerva minimu bejn it-titjiriet, li t-tul tagħhom jikkorrispondi għal dak previst fl-Artikolu 6(1)(a) sa (c) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004?
(4)
L-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-trasportaturi tal-ajru li jwettqu t-titjiriet tagħhom fil-kuntest ta’ sistema msejħa ta’ rotazzjoni għandhom raġonevolment jirrifjutaw jew jipposponu t-trasport ta’ passiġġieri li t-titjira tagħhom ġarrbet dewmien sostanzjali minħabba ċirkustanza straordinarja, sabiex jiġi evitat dewmien tat-titjiriet sussegwenti?
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10.
Full & Egal Universal Law Academy