15.2.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 45/26
Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Diċembru 2013 — Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-660/13)
2014/C 45/43
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: A. De Elera, E. Finnegan, P. Mahnič Bruni, aġenti)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrent
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 6355 finali, tat-3 ta’ Ottubru 2013 dwar l-iffirmar tal-Addendum mehmuż mal-Memorandum of Understanding ta’ kontribuzzjoni finanzjarja Svizzera;
—
tordna li l-effetti tad-deċiżjoni jinżammu sakemm tiġi ssostitwita; u
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
(1)
Permezz tar-rikors tiegħu l-Kunsill jitlob, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 6355 finali, tat-3 ta’ Ottubru 2013 dwar l-iffirmar tal-Addendum mehmuż mal-Memorandum of Understanding ta’ kontribuzzjoni finanzjarja Svizzera (id-“deċiżjoni kkontestata”) (1).
(2)
Il-Kunsill iqis li d-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha l-Kummissjoni awtorizzat lil tnejn mill-membri tagħha biex jiffirmaw l-imsemmi Memorandum mingħajr kunsens bil-quddiem mill-Kunsill, hija illegali għaliex tikkostitwixxi ksur tal-prinċipji fundamentali tal-liġi tal-Unjoni kif stabbiliti fit-Trattati. B’mod partikolari, ir-rikors għal annullament huwa bbażat fuq żewġ motivi:
(1)
Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tikser il-prinċipju ta’ tqassim tal-poteri li jinsab fl-Artikolu 13(2) TEU u, għalhekk, il-prinċipju ta’ bbilanċjar istituzzjonali.
(2)
L-aġir tal-Kummissjoni li wassal għall-adozzjoni tad-deċiżjoni u tal-iffirmar tal-Addendum jikser il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali li jinsab fl-Artikolu 13(2) TEU.
(3)
Fir-rigward tal-ewwel motiv, billi ffirmat l-Addendum tal-MoU mal-Isvizzera, f’isem l-Unjoni u mingħajr il-kunsens bil-quddiem tal-Kunsill, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ tqassim tal-poteri li jinsab fl-Artikolu 13(2) TEU peress li akkapparrat is-setgħa li tistabbilixxi l-linja politika tal-Unjoni, liema setgħa hija, skont l-Artikolu 16 TEU, tal-Kunsill, u għalhekk kisret il-prinċipju ta’ bbilanċjar istituzzjonali.
(4)
Fir-rigward tat-tieni motiv, il-Kunsill iqis li l-aġir tal-Kummissjoni kiser il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali fuq erba’ kapijiet: 1) billi konxjament rifset fuq is-setgħat tal-Kunsill li huwa jgawdi abbażi tal-Artikolu 16 TEU u għalhekk bi ksur tal-prinċipju ta’ tqassim tal-poteri skont l-Artikolu 13(2) TEU u konsegwentement tal-prinċipju ta’ bbilanċjar istituzzjonali; 2) billi konxjament u unilateralment injorat l-irwol tal-Istati Membri f’din il-kwisjtoni, bi ksur tal-prinċipju tal-għoti tas-setgħat skont l-Artikolu 4(1) TEU; 3) billi intenzjonalment aġixxiet b’mod li rendiet fix-xejn l-isforzi tal-Kunsill biex tikkorreġi s-sitwazzjoni maħluqa mill-Kummissjoni; u 4) billi konxjament aġixxiet b’mod li jikkomprometti l-prinċipju ta’ unità tar-rappreżentazzjoni esterna tal-Unjoni.
(1) Dokument tal-Kummissjoni C(2013) 6355 finali, tat-3 ta’ Ottubru 2013
Full & Egal Universal Law Academy