22.2.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 52/29
Appell ippreżentat fit-13 ta’ Diċembru 2013 minn The Cartoon Network, Inc. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fit-2 ta’ Ottubru 2013 fil-Kawża T-285/12 — The Cartoon Network, Inc. vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
(Kawża C-670/13 P)
2014/C 52/54
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: The Cartoon Network, Inc. (rappreżentant: I. Starr, Solicitor)
Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), Boomerang TV, SA
Talbiet tal-appellanti
—
il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata u tannulla d-deċiżjoni kkontestata; jew sussidjarjament,
—
il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata u tiġi rrinvijata lill-Qorti Ġenerali; u li
—
tikkundanna lill-konvenut iħallas lir-rikorrenti l-ispejjeż marbuta ma’ dan l-appell.
Aggravji u argumenti prinċipali
(1)
Ksur tal-Artikoli 36 u 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (l-“Istatut”)
L-Artikoli 36 u 53 tal-Istatut jistabbilixxu li l-Qorti Ġenerali għandha dmir li telenka r-raġunijiet li fuqhom għandhom jiġu bbażati s-sentenzi tagħha. Fis-sentenza appellata il-Qorti Ġenerali wetqet żball ta’ liġi billi ma pprovdietx raġunijiet għall-konklużjoni tagħha li l-pubbliku relevanti kien magħmul biss minn professjonisti.
(2)
Ksur tal-Artikolu 8(1)(b) Regolament Nru 207/2009/KE (1): Tgħawwiġ tal-Fatti: Pubbliku Rilevanti
2.1.
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkonkludiet li l-pubbliku rilevanti kien magħmul biss minn professjonisti u kien l-istess pubbliku rilevanti għas-servizzi rilevanti tat-trade mark Komunitarja tal-intervenjent u tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, peress li din hija konklużjoni bbażata fuq tgħawwiġ tal-fatti quddiem il-Qorti Ġenerali. Il-Qorti Ġenerali u l-Bord kellhom jillimitaw l-analiżi tagħhom għall-ispeċifikazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, jew sussidjarjament
2.2.
Jekk il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonkludiet li l-pubbliku rilevanti kemm għall-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja u kif ukoll għat-trade mark Komunitarja tal-intervenjent kien magħmul biss minn professjonisti, il-Qorti Ġenerali kellha tikkunsidra li ma hemm ebda probabbiltà ta’ konfużjoni bejn l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja u t-trade mark Komunitarja tal-intervenjent, bħala riżultat tal-grad iktar għoli ta’ attenzjoni mogħti mill-professjonisti rilevanti.
(3)
Ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009/KE: Tgħawwiġ tal-Fatt: Xebh bejn is-Servizzi u Ksur tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009/KE
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball billi kkonkludiet li s-servizzi koperti mill-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja huma simili għas-servizzi protetti mit-trade mark Komunitarja tal-intervenjent, minħabba inter alia n-natura rispettiva tagħhom, l-għan intiż, l-utenti finali u l-pubbliku rilevanti. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali u l-Bord wettqu żball ta’ liġi billi bbażaw ruħhom fuq fatti fuq inizjattiva tagħhom stess.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas- 26 ta' Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja
ĠU L 78, 24.3.2009, p. 1
Full & Egal Universal Law Academy