15.2.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 45/27
Appell ippreżentat fit-23 ta’ Diċembru 2013 minn Andechser Molkerei Scheitz GmbH mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fil-15 ta’ Ottubru 2013 fil-Kawża T-13/12, Andechser Molkerei Scheitz GmbH vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-682/13 P)
2014/C 45/45
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: Andechser Molkerei Scheitz GmbH (rappreżentant: H. Schmidt, avukat)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla parzjalment id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ottubru 2013 bin-Numru tal-Kawża T-13/12, sa fejn dan ċaħad ir-rikors għall-annullament tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1131/2011, tal-11 ta’ Novembru 2011, li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-glikosidi tal-istevjol (1), ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tat-12 ta’ Novembru 2011.
—
tannulla r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1131/2011, tal-11 ta’ Novembru 2011, li jemenda l-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-glikosidi tal-istevjol, ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali fit-12 ta’ Novembru 2011.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti tissolleva, l-ewwel nett, l-ilment ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali ġudizzjarji tagħha taħt l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Ir-rikors għal annullament huwa sostanzjalment ammissibbli skont id-dritt primarju tal-Unjoni Ewropea. Id-dritt fundamentali tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 47 huwa intiż sabiex jippermetti li jkun hemm użu effettiv tar-rimedji sostanzjalment ammissibbli. Id-digriet tal-Qorti Ġenerali jikser id-dritt tal-appellanti għal rimedju effettiv fis-sens tal-garanzija ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.
It-tieni nett, l-appellanti tissolleva l-ilment ta’ ksur tad-dritt fundamentali tagħha taħt it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47, peress li ġie ppreġudikat id-dritt fundamentali tagħha taħt l-Artikolu 21 għan-nondiskriminazzjoni u kif ukoll id-dritt fundamentali tagħha taħt l-Artikolu 16 għall-garanzija tal-libertà tal-intrapriża, filwaqt li l-kawża mressqa minnha ma ġietx ikkunsidrata li hija mezz ta’ rimedju effettiv. L-appellanti tilmenta li saret diskriminazzjoni kontra tagħha bħala produttur ta’ prodotti tal-ikel bijoloġiċi peress li l-awtorizzazzjoni tal-glikosidi tal-istevjol ġiet adottata b’mod li jagħti lill-kompetituri tradizzjonali tagħha vantaġġ kompetittiv inġustifikat u żleali.
L-appellanti titlob ukoll l-ugwaljanza fit-trattament min-naħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni. Hija tissolleva l-ilment ta’ ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Hija tissolleva wkoll l-ilment ta’ diskriminazzjoni skont l-Artikolu 21 tal-Karta bħala impriża li tipproduċi ikel bijoloġiku fil-konfront tal-impriżi tradizzjonali ta’ prodotti tal-ikel. Bħala prova ta’ diskriminazzjoni arbitrarja, l-appellanti tinvoka l-ftehim konkluż bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika ta’ Frar 2012 li jawtorizza prodotti bijoloġiċi mmanifatturati bi glikosidi tal-istevjol skont id-dritt tal-Istati Uniti dwar il-prodotti bijoloġiċi sabiex dawn jiġu ddistribwiti fis-suq intern tal-Unjoni bil-logo EU-bio. Dan juri li ma hemmx motiv raġonevoli sabiex il-kompetituri tradizzjonali tal-appellanti jiġu awtorizzati jimmanifatturaw jogurt bi glikosidi tal-istevjol u jagħżlu strument ġuridiku li għandu l-effett li hija tiġi mċaħħda minn din il-libertà tal-intrapriża. L-appellanti tissolleva l-ilment ta’ ksur tad-dritt fundamentali tagħha skont l-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-garanzija tal-libertà tal-intrapriża.
(1) ĠU L 295, p. 205.
Full & Egal Universal Law Academy