22.3.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 85/14
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vestre Landsret (id-Danimarka) fit-23 ta’ Diċembru 2013 — Johannes Demmer vs Fødevareministeriets Klagecenter
(Kawża C-684/13)
2014/C 85/27
Lingwa tal-kawża: id-Daniż
Qorti tar-rinviju
Vestre Landsret
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Johannes Demmer
Konvenuta: Fødevareministeriets Klagecenter
Domandi preliminari
(1)
Ir-rekwiżit li l-art agrikola ma tiġix “użata għall-attivitajiet agrikoli” (Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 1782/2003 (1)) u r-rekwiżit li l-art agrikola tintuża “għal attività agrikola jew […] użata predominatament għal attivitajiet agrikoli” (Artikolu 34(2)(a) tar-Regolament Nru 73/2009 (2)) għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-għoti ta’ għajnuna hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-użu ewlieni tal-art ikun għal attività agrikola?
(a)
Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, liema huma l-parametri sabiex tiġi ddeterminata l-attività li tikkostitwixxi l-għan “ewlieni” ta’ art meta din, fl-istess ħin, tintuża għal raġunijiet differenti?
(b)
Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, dan iffisser li, jekk ikun il-każ, min-natura tagħhom stess u mill-użu tagħhom, il-meded ta’ art li jinsabu madwar ir-runway, il-karreġġjati u ż-żoni ta’ waqfien, li, minn naħa, jifformaw kollha parti mill-ajruport u huma suġġetta għal regoli u restrizzjonijiet partikolari, bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ, li jirregolaw l-użu tagħhom, iżda li, min-naħa l-oħra, huma wkoll użati għall-ġbir tal-ħaxix għall-produzzjoni ta’ gerbubin veġetali, jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna abbażi tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq?
(2)
Ir-rekwiżit li l-art agrikola għandha tifforma parti mill-“azjenda” tal-bidwi (Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 1782/2003 u Artikolu 34(2)(a) tar-Regolament Nru 73/2009) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-meded ta’ art li jinsabu madwar ir-runway, il-karreġġjati u ż-żoni ta’ waqfien, li, minn naħa, jifformaw kollha parti mill-ajruport u huma suġġetta għal regoli u restrizzjonijiet partikolari, bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ, li jirregolaw l-użu tagħhom, iżda li, min-naħa l-oħra, huma użati għall-ġbir tal-ħaxix għall-produzzjoni ta’ gerbubin veġetali, jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna abbażi tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq?
(3)
Fil-każ li r-risposta għad-domanda 1(b) u/jew għad-domanda 2 tkun fin-negattiv, minħabba l-fatt li l-artijiet inkwistjoni, minbarra li jintużaw bħala mergħa permanenti għall-produzzjoni ta’ ħaxix għall-produzzjoni ta’ gerbubin veġetali, jikkostitwixxu wkoll meded ta’ art, f’ajruport, madwar ir-runway, il-karreġġjati u ż-żoni ta’ waqfien, hemm:
(a)
żbalji li setgħu raġonevolment jiġu identifikati mill-bidwi fis-sens tal-Artikolu 137 tar-Regolament Nru 73/2009, tad-drittijiet għal pagamenti li, minkejja dan, ġew allokati għall-imsemmija artijiet?
(b)
żball li seta’ raġonevolment jiġi identifikat mill-bidwi fis-sens tal-Artikolu 73(4) tar-Regolament Nru 796/2004 (3), tal-għajnuna li, minkejja dan, ingħatat għall-imsemmija artijiet?
(c)
pagament indebitu li fir-rigward tiegħu l-benefiċjarju ma jistax jitqies li aġixxa in bona fide fis-sens tal-Artikolu 73(5) tar-Regolament Nru 796/2004, tal-għajnuna li, minkejja dan, ingħatat għall-imsemmija artijiet?
(4)
Liema mument għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biex jiġi evalwat:
(a)
jekk hemmx żbalji li setgħu raġonevolment jiġu identifikati mill-bidwi, fis-sens tal-Artikolu 137 tar-Regolament Nru 73/2009?
(b)
jekk hemmx żball li raġonevolment seta’ jiġi identifikat mill-bidwi, fis-sens tal-Artikolu 73(4) tar-Regolament Nru 796/2004?
(c)
jekk il-benefiċjarju tal-għajnuna jistax jitqies bħala li aġixxa in bona fide fis-sens tal-Artikolu 73(5) tar-Regolament Nru 796/2004?
(5)
L-evalwazzjoni msemmija fid-domanda 4(a) sa (c) għandha ssir għal kull sena kkonċernata jew għall-pagamenti kollha kemm huma?
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 4, p. 269)
(2) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009, tad- 19 ta’ Jannar 2009, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU L 30, p. 16).
(3) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixi regoli komuni għal skemi ta’ sostenn dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta' sostenn għall-bdiewa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 44, p. 243)
Full & Egal Universal Law Academy