3.8.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 226/26
Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Ġunju 2013 — ZZ vs BEI
(Kawża F-55/13)
(2013/C 226/36)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrent: ZZ (rappreżentant: L. Isola, avukat)
Konvenut: Il-Bank Ewropew tal-Investiment
Suġġett u deskrizzjoni tal-kawża
Annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni tar-rikorrent għas-sena 2011, sa fejn dan ma jikklassifikax ir-rendiment tiegħu bħala “exceptional” jew bħala “very good” u ma jipproponiehx għall-promozzjoni għall-Funzjoni D, u sa fejn dan jiffissa l-objettivi tiegħu għas-sena 2012, annullament tal-Linji gwida għar-rapport ta’ evalwazzjoni 2011 u, fl-aħħar nett, kundanna tal-BEI għall-kumpens għad-danni morali u materjali li r-rikorrent jallega li sostna.
Talbiet tar-rikorrent
—
jannulla: a) id-deċiżjoni tat-18 ta’ Diċembru 2012, sa fejn il-Kumitat tal-Appell, taħt l-Artikolu 22 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-BEI u n-Nota lill-Persunal HR/P&O.2012-0103, tad-29 ta’ Marzu 2012, ċaħad l-appell kontra r-rapport ta’ evalwazzjoni tar-rikorrent tal-2011; b) il-parti tar-rapport ta’ evalwazzjoni 2011 li tevalwa r-rendiment tar-rikorrent, sa fejn din ma tiġborx fil-qosor tali rendiment bħala “Exceptional” jew bħala “Very good” u, fl-aħħar nett, sa fejn din ma tipproponiehx għall-promozzjoni għall-Funzjoni D, kif ukoll il-parti li tiffissa l-objettivi tiegħu għas-sena 2012; c) l-atti kollha relatati, konsekuttivi u preċedenti, fosthom il-promozzjonijiet li jirriżultaw min-nota tad-Direttur tar-Riżorsi Umani ta’ Mejju 2012 intitolata “2011 staff appraisal exercise, award of promotions and titles”, peress li, fid-dawl tal-evalwazzjoni espressa mis-superjuri tiegħu li llum qiegħda tiġi kkontestata, il-BEI naqas milli jikkunsidrah fil-punt “Promotions from function E to D”.
—
jannulla jew ma japplikax il-Linji gwida stabbiliti mid-Direttorat “Riżorsi Umani” permezz tan-Nota RH/P&O/2011-0242 Nr. 709, tat-13 ta’ Diċembru 2011, u l-“Guidelines to the 2011 annual staff appraisal exercise” korrispondenti, tal-14 ta’ Diċembru 2011, anki fil-parti fejn dawn jipprovdu li l-evalwazzjoni finali għandha tkun espressa permezz ta’ deskrizzjoni fil-qosor iżda ma jistabbilixxux il-kriterji li magħhom għandu jimxi l-evalwatur sabiex rendiment jitqies bħala “exceptionnelle dépassant les attentes [eċċezzjonali — li jmur lil hinn mill-aspettattivi]”, “très bonne [tajjeb ħafna]”, jew “répondant à toutes les attentes [jissodisfa l-aspettattivi kollha]”;
—
jikkundanna lill-konvenut għall-kumpens tad-danni morali u materjali li jirriżultaw u għall-ispejjeż.
Full & Egal Universal Law Academy