29.6.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 189/25
Digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ April 2013 — InterMune UK et vs EMA
(Kawża T-73/13 R)
(Proċeduri għal miżuri provviżorji - Aċċess għad-dokumenti - Regolament (KE) Nru 1049/2001 - Dokumenti miżmuma mill-EMA li fihom informazzjoni ppreżentata minn impriża fil-kuntest tal-applikazzjoni tagħha għal awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ prodott mediċinali - Deċiżjoni li jingħata l-aċċess għad-dokumenti lil terz - Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni - Urġenza - Fumus boni juris - Ibbilinċjar tal-interessi)
2013/C 189/52
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: UK Ltd (Londra, ir-Renju Unit); InterMune, Inc. (Brisbane, California, l-Istati Uniti tal-Amerika); u InterMune International AG (Muttenz, l-Isvizzera) (rappreżentanti: I. Dodds-Smith u A. Williams, solicitors, T. de la Mare, QC, u F. Campbell, barrister)
Konvenuta: Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) (rappreżentanti: T. Jablonski, N. Rampal Olmedo u A. Spina, aġenti)
Suġġett
Talba intiża, essenzjalment, sabiex tinkiseb is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni tal-EMA EMA/24685/2013, tal-15 ta’ Jannar 2013, li tagħti lil terz, skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), l-aċċess għal ċerti dokumenti li fihom informazzjoni ppreżentata fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tal-prodott mediċinali Esbriet, sa fejn din l-informazzjoni għadha ma hijiex disponibbli għall-pubbliku.
Dispożittiv
(1)
Hija sospiża l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni EMA/24685/2013 tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA), tal-15 ta’ Jannar 2013, li tagħti lil terz, skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, l-aċċess għad-dokumenti “2.4 Sunt dettaljat mhux kliniku”“2.5 Sunt dettaljat kliniku”“2.6 Sunt mhux kliniku”“2.7 Sunt kliniku”, ippreżentati fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tal-prodott mediċinali Esbriet, sa fejn dawn id-dokumenti jinkludu informazzjoni li għadha ma hijiex disponibbli għall-pubbliku.
(2)
L-EMA hija ordnata tastjeni milli tiżvela d-dokumenti msemmija fil-punt 1 ta’ dan id-dispożittiv, f’verżjoni iktar dettaljata minn dik li minnha kienet tneħħiet informazzjoni kunfidenzjali, kif ġiet ikkomunikata minn InterMune UK Ltd, InterMune, Inc. u InterMune International AG lill-EMA fit-8 ta’ Ottubru 2012.
(3)
L-ispejjeż huma rriżervati.
Full & Egal Universal Law Academy