23.3.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 86/20
Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Jannar 2013 — Elan vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża T-27/13)
2013/C 86/34
Lingwa tal-kawża: is-Sloven
Partijiet
Rikorrent: Elan proizvodnja športnih izdelkov d.o.o. (Begunje na Gorenjskem) (rappreżentant: P. Pensa, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla l-Artikoli 2 sa 5 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Settembru 2012 dwar il-miżuri favur l-impriża Elan d.o.o SA.26379 (C 13/2010)
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrent tinvoka erba’ motivi.
(1)
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u ksur tal-forom proċedurali sostanzjali minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE).
Il-Kummissjoni ma mmotivatx b’mod suffiċjenti r-raguni li għaliha hija imputat il-kontribuzzjoni f’kapital tal-kumpanniji Zavarovalnica Triglav u Triglav Naložbe lill-Istat. Barra minn hekk hija lanqas ma mmotivat ir-raguni li għaliha ma rrikonoxxietx li ċ-ċessjonijiet fid-diviżjoni nawtika tal-kumpannija Elan kienu jikkostitwixxu miżuri kumpensatorji xierqa.
(2)
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE minħabba żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tal-fatti f’dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ riżorsi pubbliċi u fl-imputazzjoni lill-Istat tal-aġir tal-kumpanniji Zavarovalnica Triglav, Triglav Naložbe u KAD-PPS.
L-ewwel nett, il-Kummissjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti f’dak li jirrigwarda l-kontroll u l-influwenza li l-Istat kellu fuq iz-Zavod za pokojninsko in invalidsko zavarovanje (ZPIZ) u għaldaqstant fuq il-kumpanniji Zavarovalnica Triglav u Triglav Naložbe. It-tieni nett, il-Kummissjoni ma pproduċiet ebda indizju, meħtieġ abbażi tal-ġurisprudenza fil-kawża Stardust Marine, li jispjega għaliex l-aġir tal-kumpanniji KAD-PPS, Zavarovalnica Triglav u Triglav Naložbe jista’ jiġi imputat lill-Istat filwaqt li injorat totalment, f’din iċ-ċirkustanza, li s-soċji privati Zavarovalnica Triglav u Triglav Naložbe kellhom kontroll negattiv fuq il-kumpannija Elan.
(3)
It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE f’dak li jirrigwarda l-konformità tal-aġir tas-soċji mal-prinċipju ta’ investitur privat li jopera f’ekonomija tas-suq minħabba l-evalwazzjoni manifestament żbaljata tal-fatti f’dak li jirrigwarda d-deċiżjoni tas-soċji qabel ir-rikapitalizzazzjoni u l-implementazzjoni tal-miżura 2 (rikapitalizzazjoni ta’ Elan fl-2008).
Il-Kummissjoni kienet manifestament żbaljata fir-rigward ta’ sitt fatti deċiżivi li abbażi tagħhom hija kkonkludiet li l-miżura 2 ma kinitx konformi mal-prinċipju tal-investitur privat li jopera f’ekonomija tas-suq:
—
l-ewwel nett, il-Kummissjoni b’mod żbaljat għażlet l-iktar evalwazzjoni ħażina tal-valur tal-kapital proprju tal-kumpannija Elan, filwaqt li fl-evalwazzjoni rapida tal-valur kienu ċċitati erba’ evalwazzjonijiet;
—
it-tieni nett, hija, arbitrarjament u mingħajr perizji professjonali, ċaħdet bħala obsoleta u irrilevanti, l-evalwazzjoni tal-valur imwettqa mill-kumpannija Audit-IN u mingħajr ebda bażi tagħt prijorità lill-evalwazzjoni rapida tal-valur;
—
it-tielet nett, hija b’mod żbaljat iddeċidiet li ebda investitur privat ma kien ikkollabora fir-rikapitalizzazjoni filwaqt li l-kapital privat kien jammonta għal sehem ta’ mill-inqas 35.05 %;
—
ir-raba’ nett, il-Kummissjoni b’mod żbaljat iddeċidiet li l-pjan multiannwali 2008-2012 u l-pjan ta’ rkupru kienu ġew elaborati minn Elan innifisha minħabba li hija injorat totalment il-fatt li l-bażi għall-elaborazzjoni tal-pjan ta’ rkupru ta’ Elan kienet l-istrateġija ta’ riorjentazzjoni mfassla għal Elan minn konsulent estern;
—
il-ħames nett, il-konstatazzjoni li ma kien intlaħaq ebda ftehim mal-banek fir-rigward tal-konsolidazzjoni tal-krediti li kienu jeżistu qabel ir-rikapitalizzazjoni hija żbaljata, peress li l-Kummissjoni manifestament u totalment injorat il-provi li jixhdu li l-banek kienu kkonfermaw ma’ Elan li jekk is-soċji jirrikapitalizzaw il-kumpannija Elan huma kienu ser jikkonsolidaw il-krediti;
—
is-sitt nett, l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li r-rikapitalizzazjoni tal-kumpannija Elan fl-2007 ma kinitx ipproduċiet suċċessi u li konsegwentement l-investituri privati ma kinux qed jinvestu iktar fil-kumpannija Elan hija falza.
(4)
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq evalwazzjoni manifestament żbaljata tal-fatti f’dak li jirrigwarda l-miżuri kumpensatorji abbażi tal-punti 38 sa 40 tal-Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni tal-impriżi f’diffikultà bi ksur tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE.
Il-Kummissjoni kienet manifestament żbaljata meta ddeċidiet li l-kumpannija Elan ma adottatx miżuri kumpensatorji xierqa u konsegwentement applikat ħażin l-Artikolu 107(3)(c) TFUE flimkien mal-Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni tal-impriżi f’diffikultà:
—
l-ewwel nett, il-Kummissjoni injorat il-fatt li fl-istrateġija ta’ riorjentazzjoni hemm espliċitament indikat li f’każ estrem setgħet tiġi likwidata l-kumpannija ta’ distribuzzjoni fl-Istati Uniti tal-Amerika;
—
it-tieni nett, il-Kummissjoni b’mod żbaljat iddikjarat li t-tmiem tal-kollaborazzjoni fil-kumpannija bi sħab ta’ distribuzzjoni seħħ fuq inizjattiva tal-impriża Dal Bello;
—
it-tielet nett, mingħajr ebda ġustifikazzjoni l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-effett tal-miżuri kumpensatorji adottati fis-suq tad-distribuzzjoni tal-iskis fis-suq “prinċipali” tal-kumpannija Elan, jiġifieri s-suq tal-manifattura tal-iskis.
Full & Egal Universal Law Academy