4.5.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 129/28
Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Marzu 2013 — Sea Handling vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-152/13)
2013/C 129/53
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Sea Handling SpA (Somma Lombardo, l-Italja) (rappreżentanti: B. Nascimbene, F. Rossi dal Pozzo, M. Merla u L. Cappelletti, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla d-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha l-Kummissjoni ddikjarat il-miżuri adottati minn SEA, f’forma ta’ żidiet fil-kapital, favur SEA Handling, bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni u ordnat l-irkupru tagħhom;
—
sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha ordnat l-irkupru tal-allegata għajnuna mill-Istat;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas tal-spejjeż tal-kawża.
Motivi u argumenti prinċipali
Id-deċiżjoni kkontestata f’din il-kawża hija l-istess bħal dik fil-kawża T-125/13, Ir-Repubblika Taljana vs Il-Kummissjoni.
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.
(1)
L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur ta’ natura proċedurali.
—
F’dan ir-rigward, qiegħed jiġi allegat ksur tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1 p. 339) u tad-drittijiet proċedurali ta’ SEA Handling, kif ukoll żball fl-istruttorja b’referenza għall-ambitu tal-perijodu investigat, minħabba n-nuqqas tal-investigazzjoni u tal-evalwazzjoni preliminari fil-perijodu 2006-2010.
—
Huwa allegat ukoll ksur tal-prinċipji taċ-ċertezza legali u tal-amministrazzjoni tajba fir-rigward tat-tul tal-proċedura u b’mod partikolari tat-tul eċċessiv mhux iġġustifikat tal-investigazzjoni preliminari.
(2)
It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 107 TFUE fl-ambitu tal-implikazzjonijiet ta’ riżorsi pubbliċi.
—
Qiegħdin jiġu allegati wkoll fuq dan il-punt nuqqas ta’ motivazzjoni u nuqqas ta’ istruttorja fir-rigward tal-assenza ta’ oneru għall-finanzi tal-Istat; kif ukoll in-nuqqas ta’ prova tad-disponibbiltà tar-riżorsi tal-Istat.
(3)
It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 107 TFUE, fir-rigward tal-imputabbiltà.
—
Skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex bbażata fuq eżami individwali ta’ kull deċiżjoni ta’ żieda tal-kapital u l-Kummissjoni ma spjegatx ir-raġunijiet għalfejn kien hemm pjan unitarju ta’ għajnuna mill-Istat favur SEA Handling matul il-perijodu 2002-2010.
—
Barra minn hekk, f’dan ir-rigward, l-indizji invokati mill-Kummissjoni ma humiex suffiċjenti sabiex juru l-imputabbiltà tal-miżuri lill-Istat u l-Kummissjoni naqset milli tikkunsidra l-elementi prodotti mill-parti biex turi n-nuqqas ta’ imputabbiltà tal-miżuri lill-Istat.
(4)
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 107 TFUE, fir-rigward tal-kunċett tal-investitur privat.
—
Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma rnexxiliex tipprova konkretament li investitur privat paragunabbli għal SEA ma kienx għażel għall-kapitalizzazzjoni mill-ġdid tas-sussidjarja tiegħu u llimitat ruħha li tikkontesta ġenerikament il-korrettezza tal-parametri użati mis-SEA għall-finijiet tal-għażla imprenditorjali tagħha.
—
Għandu jiġi ikkonstatat ukoll in-nuqqas ta’ kuntestwalizzazzjoni tal-miżuri fi ħdan il-Grupp SEA u l-evalwazzjoni żbaljata tal-fatti b’riferiment għal paragun bejn SEA Handling u operaturi oħrajn fis-suq, minbarra l-applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju tal-investitur privat minħabba nuqqas ta’ analiżi ta’ kull tranżazzjoni ta’ żieda ta’ kapital.
(5)
Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(3) TFUE.
—
Ir-rikorrenti tosserva, f’dan ir-rigward, żball ta’ liġi b’riferiment għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-linji gwida għas-settur tal-ajruporti, peress li dawn ma kinux applikabbli għal dan il-każ.
—
Għandu jiġi osservat ukoll żball manifest fl-evalwazzjoni u nuqqas ta’ motivazzjoni fl-applikazzjoni tal-linji gwida għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni, sa fejn il-Kummissjoni interpretat skorettament it-tifsira tar-rekwiżit tal-vijabbiltà tal-kumpannija fit-tul, fejn allegatament irrifjutat b’mod żbaljat il-miżuri ta’ kumpens offerti minn SEA fl-ambitu tar-ristrutturazzjoni tas-sussidjarja tagħha u fejn ma ħaditx inkunsiderazzjoni il-fatt li ż-żidiet ta’ kapital ikkontestati dejjem saru fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju għar-ristrutturazzjoni tal-kumpannija.
(6)
Is-sitt motiv, ibbażat fuq l-illeġittimità tal-ordni tal-irkupru.
—
Ir-rikorrenti ssostni l-illeġittimità tal-ordni tal-irkupru bi ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tal-obbligu ta’ motivazzjoni.
Full & Egal Universal Law Academy