15.6.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 171/33
Rikors ippreżentat fid-9 ta’ April 2013 — Group’Hygiène vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-202/13)
2013/C 171/62
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: Group’Hygiène (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: J.-M. Leprêtre u N. Chahid-Nouraï, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrent
—
tannulla b’effet immedjat, fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 2013/2/UE, tas-7 ta’ Frar 2013, li temenda l-Anness I għad-Direttiva 94/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ, inkwantu żżid il-mandrini fil-lista ta’ eżempji ta’ imballaġġ, bl-eċċezzjoni ta’ dawk intiżi għall-użu industrijali;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka sitt motivi.
(1)
L-ewwel motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni, sa fejn il-Kummissjoni ma tistax temenda, fuq il-bażi tas-setgħa ta’ eżekuzzjoni tagħha, l-elementi essenzjali tal-leġiżlazzjoni bażika. Peress li d-Direttiva 2013/2/UE (1) estendiet id-definizzjoni ta’ imballaġġ għall-prodotti li ma humiex imsemmija mid-Direttiva 94/62/KE (2), id-Direttiva 2013/2/UE hija vvizzjata minn nuqqas ta’ kompetenza.
(2)
It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 296 TFUE u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni, peress li d-Direttiva 2013/2/UE ma tispjegax ir-raġunijiet għaliex huma biss ċerti mandrini li jikkostitwixxu imballaġġ. Ir-rikorrent isostni li l-motivazzjoni tal-att kienet partikolarment meħtieġa peress li l-miżura kkontestata tikkostitwixxi bidla ta’ pożizzjoni meta mqabbla mal-pożizzjonijiet preċedenti tal-korpi tal-Unjoni Ewropea f’dan il-qasam.
(3)
It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tad-Direttiva 94/62/KE, sa fejn huwa ċar li l-mandrini ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala imballaġġ, peress li tali madrin huwa element purament intern tal-prodott u ma jikkorrispondix għad-definizzjoni legali tal-imballaġġ użata fid-Direttiva 94/62/KE.
(4)
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, peress li d-Direttiva 2013/2/UE tittratta b’mod differenti sitwazzjonijiet li huma paragunabbli, sa fejn id-direttiva ma tikklassifikax bħala imballaġġ il-mandrini industrijali, meta l-mandrini industrijali u dawk li ma humiex industrijali huma f’sitwazzjoni oġġettivament paragunabbli u sa fejn prodotti li għandhom karatteristiċi simili għal dawk tal-mandrini huma esklużi mill-kategorija ta’ imballaġġ.
(5)
Il-ħames motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, sa fejn id-Direttiva 2013/2/UE timmina b’mod rapidu, u mingħajr miżuri tranżitorji, l-approċċ tal-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea li jipprovdi li l-mandrini ma humiex imballaġġ fis-sens tad-Direttiva 94/62/KE.
(6)
Is-sitt motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn il-miżura kkontestata toħloq konsegwenzi finanzjarji sproporzjonati għall-operaturi ekonomiċi tas-settur peress li, b’differenza mill-manifatturi l-oħra suġġetti għal-leġiżlazzjoni dwar l-imballaġġ, il-manifatturi tal-mandrini ma jistgħux inaqqsu l-volum tal-mandrini prodotti, peress li dawn huma assolutament neċessarji u inegrati fil-prodotti.
(1) ĠU 2013, L 37, p. 10.
(2) Direttiva 94/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 1994, dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 13, p. 349).
Full & Egal Universal Law Academy