27.7.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 215/19
Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Ġunju 2013 — DelSolar (Wujiang) vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-320/13)
2013/C 215/27
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: DelSolar (Wujiang) Ltd (Wujiang City, iċ-Ċina) (rappreżentanti: L. Catrain González, avukat, E. Wright u H. Zhu, Barristers)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 513/2013 (1), sa fejn dan japplika għar-rikorrenti;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.
(1)
Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ liġi meta wessgħet il-kamp ta’ applikazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Bażiku”) u meta eżaminat l-allegati distorsjonijiet sinjifikattivi li, minħabba l-fatt li dawn ma kinux ġew trażmessi mis-sistema preċedenti ta’ ekonomija mhux tas-suq, jaqgħu manifestament barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu.
(2)
Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ddeċidiet bi żball li l-ispejjeż tal-produzzjoni u s-sitwazzjoni finanzjarja globali tar-rikorrenti kienu suġġetti għal distorsjonijiet sinjifikattivi trażmessi mis-sistema preċedenti ta’ ekonomija mhux tas-suq, hekk kif imsemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament Bażiku.
(3)
Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni minħabba l-fatt li la s-sussidji negliġibbli rċevuti u lanqas l-iskema fiskali preferenzjali li kienet ibbenefikat minnhom ir-rikorrenti u s-sussidjarja tagħha Delta Greentech (China) Co. Ltd. (indikati flimkien bħala “DelSolar Group”) ma kienu ġew “trażmessi mis-sistema preċedenti ta’ ekonomija mhux tas-suq”.
(4)
Permezz tar-raba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad it-talba għat-trattament tal-ekonomija tas-suq (“TES”) tar-rikorrenti unikament abbażi ta’ skema fiskali preferenzjali u ta’ sussidji negliġibbli hija sproporzjonata u inutli.
(1) Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 513/2013, tal-4 ta’ Ġunju 2013, li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi bis-silikon kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċ-ċelloli u l-wejfers) li joriġinaw jew li jiġu kkonsenjati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 182/2013 li jagħmel dawn l-importazzjonijiet li joriġinaw fi jew li huma kkonsenjati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina soġġetti għar-reġistrazzjoni (ĠU L 152, p. 5).
Full & Egal Universal Law Academy