31.8.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 252/40
Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Lulju 2013 — L-Italja vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-358/13)
2013/C 252/68
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Ir-Repubblika Taljana (rappreżentanti: M. Salvatorelli, avvocato dello Stato, u G. Palmieri, aġent)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/209/UE, tas-26 ta’ April 2013, notifikata bid-dokument C(2013) 2444, tad-29 ta’ April 2013, bl-ittra Nru SG-Greffe (2013) D/5879, li waslet għand ir-rappreżentanza permanenti tal-Italja għall-Unjoni Ewropea fid-29 ta’ April 2013, li għandha bħala suġġett “l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-aġenziji tal-pagamenti tal-Istati Membri li jikkonċernaw in-nefqa ffinanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) għas-sena finanzjarja 2012”, peress li fil-parti fejn fost l-“ammonti li ma jistgħux jerġgħu jintużaw” tikkunsidra s-somma ta’ EUR 5 006 487,10 fir-rigward tar-Regione Basilicata, timplementa t-tnaqqis ta’ tali somma mil-limitu ta’ nefqa mill-FAEŻR tal-pjan ta’ żvilupp rurali ta’ Basilicata u, konsegwentement, timplika l-impossibbiltà tal-użu tagħha fil-kuntest tal-limitu msemmi, u essenzjalment tistabbilixxi n-nuqqas ta’ użu tagħha;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea għall-ħlas tal-ispejjeż tal-kawża.
Motivi u argumenti prinċipali
F’din il-kawża, il-Gvern Taljan jikkontesta d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/209/UE, tas-26 ta’ April 2013, notifikata bid-dokument C(2013) 2444, tad-29 ta’ April 2013, li għandha bħala suġġett “l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-aġenziji tal-pagamenti tal-Istati Membri li jikkonċernaw in-nefqa ffinanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) għas-sena finanzjarja 2012” peress li fil-parti fejn fost l-“ammonti li ma jistgħux jerġgħu jintużaw” tikkunsidra s-somma ta’ EUR 5006487,10 fir-rigward tar-Regione Basilicata, timplementa t-tnaqqis ta’ tali somma mil-limitu ta’ nefqa mill-FAEŻR tal-pjan ta’ żvilupp rurali ta’ Basilicata u, konsegwentement, timplika l-impossibbiltà tal-użu tagħha fil-kuntest tal-limitu msemmi, u essenzjalment tistabbilixxi n-nuqqas ta’ użu tagħha.
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-korrezzjoni hija dovuta għar-rapport tad-dipartimenti tal-Kummissjoni li jgħid li xi proġetti mħallsa matul ir-raba’ simestru tal-2011, ma setgħux jiġu inseriti fid-dikjarazzjoni trimestrali ta’ nfiq peress li ma kinux konformi mal-pjan ta’ żvilupp rurali fis-seħħ.
Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni, finalment iddikjarata fid-deċiżjoni ta’ implementazzjoni kkontestata, tidher li hija vvizzjata minn diversi aspetti.
—
Fl-ewwel lok, hemm dubju dwar il-korrettezza tal-inklużjoni tat-tnaqqis derivanti mill-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005, ikkwalifikat bħala “ammonti li ma jistgħux jerġgħu jintużaw”, fil-kuntest tad-deċiżjoni dwar l-approvazzjoni tal-kontijiet, peress li minnu kellu jiġi eskluż kull ammont sospiż jew imnaqqas, kif stabbilit fl-Artikolu 29(5) tar-regolament imsemmi. Fost affarijiet oħra, dan it-tnaqqis huwa żbaljat fil-kwantifikazzjoni tiegħu.
—
Fit-tieni lok, id-deċiżjoni hija barra minn hekk ivvizjata minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni, u sa fejn ammont relattiv għal trimestru ta’ nefqa ġie mnaqqas jew sospiż mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 29(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal-21 ta’ Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU L 286M, p. 1).
—
Fl-aħħar lok, id-dikjarazzjoni ta’ ammonti li ma jistgħux jerġgħu jintużaw hija ekwivalenti għan-nuqqas ta’ użu tagħhom, bil-konsegwenza li jkun impossibbli li dawn is-somom jintużaw fil-futur fil-kuntest tal-limitu ta’ nefqa tal-pjan ta’ żvilupp rurali tal-Basilicata, iżda l-leġiżlazzjoni fis-seħħ fl-UE tipprekludi li l-ammonti sospiżi ma jkunux jistgħu jintużaw.
Full & Egal Universal Law Academy