7.9.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 260/48
Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Lulju 2013 — Versorgungswerk der Zahnärztekammer Schleswig-Holstein vs BĊE
(Kawża T-376/13)
2013/C 260/86
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrent: Versorgungswerk der Zahnärztekammer Schleswig-Holstein (Kiel, il-Ġermanja) (rappreżentant: O. Hoepner, avukat)
Konvenut: Il-Bank Ċentrali Ewropew
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni tal-konvenut tas-16 ta’ April 2013, fil-verżjoni tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Mejju 2013 (LS/MD/13/313), sa fejn ma ġietx milqugħa t-talba għal aċċess għall-Anness A u B tal-“Exchange Agreement dated 15. February 2012 among the Hellenic Republic and the European Central Bank and the Eurosystem NBCs listed herein”;
—
tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.
(1)
L-ewwel motiv ibbażat fuq l-illegalità tal-bażi tad-deċiżjoni
Ir-rikorrent jallega li, bid-Deċiżjoni BĊE/2011/6 (1) tiegħu, il-BĊE estenda b’mod sostantiv, mingħajr awtorizzazzjoni suffiċjenti, il-motivi ta’ rifjut stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni BĊE/2004/3 (2).
(2)
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali
Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-forom proċedurali sostanzjali. F’dan ir-rigward, huwa jesponi li skont l-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandu jissodisfa rekwiżiti stretti u li l-argumenti tal-konvenut fid-deċiżjoni ikkontestata ma jissodisfawx ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
(3)
It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt sostantiv
F’dan il-kuntest, ir-rikorrent jinvoka ksur tad-dritt sostantiv, billi jsostni li, minħabba motivazzjoni insuffiċjenti, id-deċiżjoni kkontestata tikser id-dritt tar-rikorrent ta’ aċċess għal dokumenti skont l-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 15(3) TFUE. Barra minn hekk, ir-rifjut tal-aċċess huwa sproporzjonat.
(1) 2011/342/UE: 2011/342/UE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew, tad- 9 ta’ Mejju 2011, li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2004/3 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2011/6) (ĠU L 158, p. 37).
(2) 2004/258/KE: Id-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew, tal-4 ta’ Marzu 2004, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew (ECB/2004/3) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 5, p. 51).
Full & Egal Universal Law Academy