21.9.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 274/23
Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Lulju 2013 — Miettinen vs Il-Kunsill
(Kawża T-395/13)
2013/C 274/38
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: Samuli Miettinen (Espoo, il-Finlandja) (rappreżentanti: O. Brouwer u E. Raedts, avukati)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrent
Tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 li tirrifjuta l-aċċess integrali għad-Dokument 12979/12 skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), hekk kif indirizzata lir-rikorrenti fil-21 ta’ Mejju 2013 fl-ittra bir-referenza “06/c/02/1 3” (id-deċiżjoni kkontestata) kif ukoll ir-rifjut imġedded tiegħu tat-23 ta’ Lulju 2013;
Tordna lill-konvenut sabiex iħallas l-ispejjeż tar-rikorrent skont l-Artikolu 87 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, inkluż l-ispejjeż ta’ kull parti intervenjenti.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.
L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegat ksur tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) u tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, peress li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-imsemmija dispożizzjonijiet, li jirrigwardaw il-protezzjoni tal-proċedimenti fil-qorti u tal-parir legali u l-protezzjoni tal-proċess kontinwu tat-teħid ta’ deċiżjoni rispettivament:
L-ewwel nett, il-Kunsill naqas milli juri li l-iżvelar tad-Dokument 12979/12 jippreġudika l-kapaċità tas-servizz legali tiegħu milli jiddefendih fi proċedimenti futuri legali u jippreġudika l-proċess leġiżlattiv;
It-tieni nett, il-Kunsill naqas milli juri li d-Dokument 12979/12 huwa partikolarment sensittiv u/jew li għandu skop wiesa’ li jiġġustifika li tiġi mwarrba l-preżunzjoni favur l-iżvelar ta’ opinjonijiet legali fil-kuntest leġiżlattiv;
It-tielet nett, it-teorija tal-Kunsill dwar id-dannu hija purament ipotetika. Hija infondata kemm fil-fatt kif ukoll fid-dritt peress li l-kontenut tal-avviż li jinsab fid-Dokument 12979/12 kien diġà fid-dominju pubbliku meta d-deċiżjoni kkontestata ttieħdet; u
Ir-raba’ nett, il-Kunsill naqas milli japplika t-test dwar ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku meta invoka l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) meta kkunsidra biss r-riskji involuti fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjoni assoċjati mal-iżvelar u mhux l-effetti pożittivi ta’ żvelar bħal dan, inter alia, il-leġittimità tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjoni u naqas milli japplika t-test meta invoka t-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2).
It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-allegat ksur tal-obbligu li jiġu ddikjarati raġunijiet adegwati skont l-Artikolu 296 TFUE, peress li l-Kunsill ma ssodisfax l-obbligu tiegħu li jagħti raġunijiet suffiċjenti u adegwati għad-deċiżjoni kkontestata.
Full & Egal Universal Law Academy