21.9.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 274/27
Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Awwissu 2013 — Chin Haur Indonesia vs Il-Kunsill
(Kawża T-412/13)
2013/C 274/43
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Chin Haur Indonesia, PT (Tangerang, l-Indoneżja) (rappreżentanti: T. Müller-Ibold u F.-C. Laprévote, avukati)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla parzjalment l-Artikoli 1(1) u 1(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 501/2013 (1) sa fejn dawn jestendu d-dazju antidumping għar-rikorrenti u jirrifjutaw it-talba għal eżenzjoni tagħha;
—
tordna lill-Kunsill sabiex iħallas kemm l-ispejjeż legali kif ukoll spejjeż oħra relatati ma’ din il-kawża; u
—
tieħu kwalunkwe miżura oħra li l-Qorti Ġenerali tqis xieraq.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.
(1)
L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni u l-Kunsill naqsu milli jipproduċu prova li turi l-evażjoni fir-rigward tal-importazzjonijiet mill-Indoneżja u għalhekk wetqu żball manifest ta’ evalwazzjoni, peress li:
—
il-konklużjoni li kienet saret bidla fid-drawwiet tal-kummerċ hija manifestament żbaljata;
—
il-Kunsill bi żball allega li l-produtturi Indoneżjani, b’mod partikolari r-rikorrenti, kienu qegħdin jagħmlu trażbord ta’ roti miċ-Ċina għall-UE.
(2)
It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill bi żball sab li r-rikorrenti ma kinitx qiegħdha tikkoopera u li nuqqas ta’ kooperazzjoni bħal dan kien jiġġustifika r-rifjut għal eżenzjoni tagħha, peress li:
—
ir-rikorrenti kkooperat bl-aħjar mod li setgħet;
—
il-kunsiderazzjoni ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni hija infondata;
—
il-kunsiderazzjoni tal-Kunsill dwar in-nuqqas ta’ kooperazzjoni tikkostitwixxi nuqqas ta’ motivazzjoni;
—
il-Kunsill naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni informazzjoni addizzjonali pprovduta mir-rikorrenti.
(3)
It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-drittijiet tar-rikorrenti li tgawdi mill-garanziji previsti mil-liġi ġew miksura matul l-investigazzjoni, peress li:
—
il-Kummissjoni ma kkonformatx mal-obbligu tagħha sabiex tikkunsidra b’mod imparzjali l-evidenza miġjuba quddiemha;
—
l-investigazzjoni tal-Kummissjoni kienet tinkludi rregolaritajiet fil-proċeduri.
(4)
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li r-rifjut milli tingħata eżenzjoni lir-rikorrenti jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li:
—
il-Kummissjoni ddiskriminat kontra r-rikorrenti billi tat l-eżenzjoni lil esportaturi li kienu jinsabu f’sitwazzjoni simili filwaqt li rrifjutat milli tilqa’ t-talba għal eżenzjoni tar-rikorrenti;
—
ir-rikorrenti ngħatat b’mod żbaljat l-istess trattament bħal produtturi li ma wrew l-ebda sinjal ta’ kooperazzjoni.
(5)
Il-ħames motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li s-sejbiet tar-Regolament ta’ Implementazzjoni dwar dannu u dumping huma inkonsistenti mar-regolament bażiku dwar l-antidumping, peress li:
—
is-sejba tal-imminar tal-effett rimedjali tad-dazju antidumping hija żbaljata.
—
il-Kummissjoni stabbilixxiet id-dumping permezz ta’ data li la kienet affidabbli u lanqas adegwata u b’mod żbaljat irrifjutat milli tieħu inkunsiderazzjoni data rigward prezzijiet sottomessi mir-rikorrenti.
(1) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 501/2013, tad-29 ta’ Mejju 2013, li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 990/2011 fuq importazzjonijiet ta’ biċikletti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta’ biċikletti kkunsinjati mill-Indoneżja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka u mit-Tuneżija, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw fl-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija kif ukoll jekk le (ĠU 2013 L 153, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy